L-Oppożizzjoni qed tappella lill-Gvern biex jirrevoka deċiżjoni li ħa biex ineħħi lil Dolores Gauci minn Chief Operating Officer tas-Servizzi tas-Saħħa Mentali fil-Komunità.
Mossa li ġiet ftit xhur wara li l-istess Gauci kienet tneħħiet minn Kap Eżekuttiv għas-Servizzi tas-Saħħa Mentali.
Deċiżjonijiet li bihom il-Gvern qed jibgħat messaġġ ħażin f’qasam li hu tant sensittiv.
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa Claudio Grech qal dan waqt konferenza tal-aħbarijiet quddiem l-Uffiċċju tal-Kummissarju għas-Saħħa Mentali u l-Anzjani, propju fi tmiem laqgħa li kellu mal-Kummissarju biex iqajjem dan it-tħassib b’rabta ma’ dawn l-iżviluppi fil-qasam tas-Saħħa Mentali.
Dolores Gauci kienet intgħażlet wara proċess trasparenti biex tokkupa l-kariga ta’ Kap Eżekuttiv għas-Servizzi tas-Saħħa Mentali – kariga waħda li fiha kienu jinġabru s-servizzi kollha li għandhom x’jaqsmu mas-saħħa mentali bħala parti minn pjan ħolistiku li kien sar mill-Gvern preċedenti.
Iżda f’Settembru li għadda l-Gvern Laburista kien qasam il-portafoll tal-Kap Eżekuttiv għas-Servizzi tas-Saħħa Mentali fi tnejn, biex minn Kap Eżekuttiv għas-Servizzi tas-Saħħa Mentali, Dolores Gauci intbgħatet tokkupa ir-rwol ta’ Chief Operating Officer tas-Servizzi tas-Saħħa fil-Komunità, bl-avukat u eks kandidat Laburista Clifton Grima jinħatar Chief Operating Officer tal-isptar Monte Karmeli.
Iżda issa, wara li kienet tneħħiet minn Kap Eżekuttiv għas-Servizzi tas-Saħħa Mentali, il-Gvern iddeżieda li jtemm ukoll l-impjieg ta’ Dolores Gauci bħala Chief Operating Officer għas-Servizzi tas-Saħħa Mentali fil-Komunità – pass li fost il-ħaddiema u l-professjonisti fil-qasam tas-Saħħa Mentali intlaqa’ b’diżappunt kbir.
Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet Claudio Grech fisser li Dolores Gauci ma kinitx appuntata politikament, għall-kuntrarju tal-mod kif kien appuntat Clifton Grima fit-tmexxija ta’ Monte Karmeli u t-tneħħija tagħha se tfisser daqqa ta’ ħarta għal dan is-settur li huwa tant sensittiv. Dolores Gauci hija wkoll il-fundatriċi tal-Fondazzjoni Richmond, bi snin twal ta’ esperjenza u dedikazzjoni.
Claudio Grech qal li agħar minn hekk, Dolores Gauci kienet infurmata bid-deċiżjoni li jintemmilha l-kuntratt ġurnata biss qabel ma ntemm il-perjodu ta’ probation bħala Chief Operating Officer.
Il-kelliem tal-Oppożizzjoni kkonferma li l-Kummissarju għas-Servizzi tas-Saħħa Mentali u l-Anzjani ħa nota tal-ilment tiegħu u se jkun qed isegwi l-iżviluppi b’rabta ma’ dan is-suġġett, filwaqt li appella biex mingħajr partiġġjaniżmu politiku, il-Gvern ireġġa’ lura d-deċiżjoni sabiex il-qasam tas-saħħa mentali jibqa’ jgawdi mill-validità, l-impenn u d-dedikazzjoni ta’ Dolores Gauci.
//= $special ?>