Nhar it-Tnejn, fil-Parlament rajna kif fid-drittijiet ta’ kulħadd hemm affarijiet tajbin li qed isiru bil-qbil ta’ kulħadd, imma hemm affarijiet li messhom saru aħjar. Dakinhar, il-Parlament ħa tliet voti li tajjeb narawhom kollha.
Vot mill-aktar importanti li jemenda l-kostituzzjoni fuq inizjattiva tal-Partit Nazzjonalista
L-aktar vot importanti kien fil-fatt dak li emenda l-kostituzzjoni, l-ogħla liġi ta’ Malta fuq inizjattiva tal-Partit Nazzjonalista biex titneħħa kwalunkwe diskriminazzjoni kontra kull persuna fuq il-bażi tal-orjentament sesswali tagħha jew tiegħu.
Inizjattiva tal-Partit Nazzjonalista li tneħħi kull diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-orjentament sesswali
Din kienet mozzjoni mressqa f’isem l-Oppożizzjoni mill-kelliema tagħha dwar il-libertajiet ċivili, Claudette Buttigieg, u li tkompli fis-sensiela twila ta’ inizjattivi li ttieħdu tul l-istorja politika tagħna mill-Partit Nazzjonlista biex iwessa’ d-drittijiet ta’ kulħadd:
– bħal meta fl-emendi tal-1974 insista li l-qorti kostituzzjonali tkun kostitwita dejjem,
– meta neħħa kull diskriminazzjoni fuq bażi ta’ sess fl-1991,
– meta fl-1987 ta d-dritt lil kull wieħed u waħda minna li nfittxu quddiem il-qrati Maltin id-drittijiet li joħorġu mill-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem,
– meta daħħal lil Malta fl-Unjoni Ewropea fl-2004, u
– meta ddefenda d-drittijiet tagħna kull darba li kienu mhedda minn gvernijiet Laburisti.
Tfittxija tad-drittijiet u tar-rimedji għal minoranzi sesswali quddiem il-qrati
L-emenda kostituzzjonali hi importanti ħafna għax tagħti d-dritt lil kulħadd li jargumenta fil-qrati li qed ikun diskriminat fuq il-bażi tal-orjentament sesswali tiegħu u jekk il-qorti ssib li dan hu minnu, twaqqa’ dawk il-liġijiet jew regolamenti jew atti li jkunu qed jiddiskriminaw u anke tagħti rimedju lil min ikun diskriminat.
Il-Partit Nazzjonalista favur l-unjoni ċivili li fil-fatt kienet proposta tiegħu
It-tieni vot tat-Tnejn kien dwar l-unjoni ċivili li kienet proposta tal-Partit Nazzjonalista wkoll sa mill-1998, li jkollna nammettu li dam ma wettaqha, u li għadu favuriha. Imma l-gvern deherlu li kellu jfittex in-nuqqas ta’ qbil billi daħħal fl-istess liġi l-adozzjoni tat-tfal – ħaġa li anke Joseph Muscat stess kien tkellem kontriha b’qawwa tliet snin biss ilu. U l-Partit Nazzjonalista f’rispons bilanċjat għażel li ma jivvutax kontra, imma astjena biex juri li mal-unjoni ċivili jaqbel imma ried juri riservi fuq l-adozzjoni.
Vot importanti favur id-drittijiet tat-tfal…
U fuq id-drittijiet tat-tfal ukoll kien hemm it-tielet vot nhar it-Tnejn, li fih il-Partit Nazzjonalista tkellem u vvota kontra dak li qed jagħmel il-Ministru Evarist Bartolo li jrid f’idejh informazzjoni privata u sensittiva fuq it-tfal kollha sa mill-età tal-kinder.
…mill-invażjoni ta’ politikant fil-ħajja privata tagħhom
Hu veru li t-tfal ma jivvutawx u għalhekk il-gvern qed jiġi jaqa’ u jqum mid-drittijiet tagħhom. Imma llum anke biex tieħu ritratt fil-prize day tal-iskola trid il-permess tal-ġenituri, aħseb u ara kemm trid il-permess biex politikant – Evarist Bartolo – ikollu f’idejh informazzjoni personali, dettaljata u sensittiva fuq it-tfal kollha ta’ kull età.
Konsistenza favur id-drittijiet ta’ kulħadd
U hawnhekk, il-Partit Nazzjonalista kien konsistenti wkoll – favur id-drittijiet tat-tfal. Tliet voti konsistenti nhar it-Tnejn mill-Partit Nazzjonalista favur id-drittijiet ta’ kulħadd:
– id-dritt kostituzzjonali issa, id-dritt massimu fl-ogħla liġi bis-saħħa tal-Partit Nazzjonalista, ta’ kull minoranza sesswali biex ma ssofri l-ebda diskriminazzjoni fuq dik il-bażi;
– id-dritt ta’ koppji tal-istess sess li jkollhom ir-relazzjoni tagħhom rikonoxxuta mill-istat permezz tal-istituzzjoni tal-unjoni ċivili imma b’riservi li m’għandhomx x’jaqsmu mal-unjoni ċivili; u
– id-dritt tat-tfal li jgħixu l-ħajja li jixirqilhom bla invażjoni ta’ politikant fil-ħajja privata tagħhom.
Dik hi l-konsistenza.
//= $special ?>