Lokali

Il-Gold Award għall-ġurnaliżmu għas-sena 2014

Għas-7 sena konsekuttiva, it-Tumas Fenech Foundation for Education in Journalism (FTFEĠ) se tkun l-isponsor tal-Gold Award għall-Ġurnaliżmu matul l-24 edizzjoni tal-Malta Journalist Awards organizzati mill-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM). Il-Gold Award huwa l-ogħla rikonoxximent fil-ġurnaliżmu Malti.

FTFEĠ, li din is-sena se tiċċelebra l-ħmistax-il sena mit-twaqqif tagħha, minn dejjem kellha l-għan li ttejjeb il-livelli tal-media lokali.

Il-Gold Award se jingħata lil dak il-ġurnalist li mar oltre mid-dmirijiet tiegħu fil-ġurnaliżmu lokali. Il-ġurnalist se jintgħażel minn ġurija indipendenti ta’ 3 persuni ppreseduta mill-President Emeritu Dr George Abela.

Iċ-Chairman ta’ FTFEĠ, il-President Emeritu Dr Ugo Mifsud Bonnici qal li huwa ta’ sodisfazzjon għall-FTFEĠ li tkun l-isponsor tal-Gold Award, għax bħall-IĠM, l-għan tal-Fondazzjoni hija li tirrikonoxxi l-kontribut li diversi ġurnalisti Maltin jagħtu għall-iżvilupp tal-ġurnaliżmu Malti kif ukoll tippromovi livelli għolja ta’ etika fil-ġurnaliżmu. Iċ-Chairman tal-IĠM irringrazzja lill-FTFEĠ għas-sehem tagħhom fil-Gold Award.

Ir-rebbieħa tal-Gold Award se jitħabbru f’ċerimonja li se ssir fit-3 ta’ Mejju f’lukanda ewlenija f’Tas-Sliema.