Lokali

Il-manifattura Maltija trid issaħħaħ id-divesifikazzjoni – Helga Ellul

L-importanza li l-manifattura Maltija tinvesti fid-diversifikazzjoni u ssaħħaħ il-kompetittivita’ tagħha kienet enfażizzata waqt żjara li l-kandidata tal-PN għall-elezzjoniji tal-Parlament Ewropew Helga Ellul għamlet fil-kumpanija Toly.

Helga Ellul żaret il-fabbrika u tkellmet mal-ħaddiema li jipproduċu l-prodotti tat-Toly u mal-management dwar l-opportunitajiet u s-swieq li l-kumpanija qed jirnexxielha ssib barra minn Malta. Il-kumpanija Toly tispeċjalizza fi prodotti li fihom jitpoġġew oġġetti ta’ sbuħija u fwejjaħ.

Helga Ellul tkellmet dwar il-bidu ta’ din il-kumpanija u faħħret id-determinazzjoni tal-fundaturi li kellhom viżjoni biex illum din il-kumpanija hi waħda mill-ewlenin internazzjonalment fis-settur tal-ippakkjar tal-prodotti.

Helga Ellul spjegat kif il-prodotti Maltin isofru minn diffikultajiet u sfidi iktar minn kumpaniji fl-Ewropa ċentrali għaliex il-fabbriki li joperaw f’Malta jridu bilfors jimportaw u jesportaw il-prodotti tagħhom. Dan iġib spejjeż żejda.

Quddiem dawn l-isfidi, sostniet Helga Ellul, l-alternattiva li għandhom il-kumpaniji Maltin hi li jkunu innovattivi. Filwaqt li esprimet fiduċja li l-kumpaniji Maltin fil-fatt jirnexxielhom jegħlbu dawn l-isifdi, Helga Ellul qalet li t-Toly Products hi eżempju ċar ta’ kemm dan jista’ jitwettaq.

Hu element mill-aktar pożittiv li l-kwartieri ġenerali tal-kumpanija Toly se jkunu qed joperaw minn Malta biex b’hekk Malta se tkun wieħed miċ-ċentri ewlenin f’dan is-settur. Dan hu wkoll vot ta’ fiduċja fil-manifattura Maltija, temmet tgħid Helga Ellul.