Mindu l-Ministru Joe Mizzi kellu jammetti li t-trasport pubbliku mmexxi minnu tilef €7 miljun fi tliet xhur, il-Ministru għat-Trasport baqa’ jipprova jaħbi u jaħrab mir-responsabbiltà tiegħu għal dan il-piż kbir li hu għabba fuq it-taxpayer Malti. Qal dan il-Kelliem għat-Trasport u l-Infrastruttura Toni Bezzina.
Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija qal li dan huwa piż li hu erba’ darbiet aktar milli t-taxpayer Malti kien iħallas f’sena sħiħa lill-kumpanija privata li qabel kienet daħlet għall-obbligu li tmexxi s-servizz u titħallas biss is-sussidju maqbul u fiss.
Fil-Baġit għal din is-sena, il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna ibbaġitja €10 miljun fi ħlas mit-taxpayer Malti għat-trasport pubbliku. Il-Partit Nazzjonalista qal li bir-rata tat-telf li qed jikkawża fit-trasport pubbliku l-Ministru Joe Mizzi, issa hu ċar li l-Baġit tal-Gvern għal dan il-qasam hu ferm ’il bogħod minn dak li fil-fatt se jkollu jħallas it-taxpayer Malti din is-sena, qal il-Partit Nazzjonalista.
Il-Ministru Joe Mizzi jeħtieġ jerfa’ r-responsabbiltà għat-trasport pubbliku li issa qiegħed imexxi kompletament hu stess ittemm tgħid l-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista.
//= $special ?>

