Lokali

Il-Partit Nazzjonalista b’reazzjoni għar-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar il-Wasteserv

Ilbieraħ l-Awditur Ġenerali ppubblika rapport imsejjaħ “An Analysis of Wasteserv Malta Limited’s Procurement: A Case Study Perspective”, li jitratta s-sistemi ta’ xiri addottati fis-snin 2011-2012. B’reazzjoni għal dan, fi stqarrija mill-Kelliem għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima Charlo Bonnici, il-Partit Nazzjonalista jinnota li l-proġetti tal-immaniġjar tal-iskart kienu “uncharted territory” mhux biss għal WasteServ imma wkoll għall-awtoritaijet l-oħra, inkluż id-Dipartiment tal-Kuntratti u l-MEPA, fejn il-proċess tal-ħruġ tal-permess ukoll kien wassal għal tibdiliet li ġabu magħhom numru ta’ varjazzjonijiet.
Barra minn hekk, il-Partit Nazzjonalista stqarr li kien hemm każijiet fejn it-teknoloġija kienet qed tinbidel u għaldaqstant it-tim tekniku kien ħass il-ħtiega ta’ upgrading f’partijiet mill-impjant. F’dawn it-tip ta’ proġetti, fejn wieħed qiegħed jirriabilita miżbla u ma jistax b’mod eżatt ikun jaf x’intrema fil-passat, huwa diffiċli biex issir stima preċiża anke fid-dawl tal-fatt li dan it-tip ta’ xogħol ma jkunx sar bħalu fl-imgħoddi.
Il-Partit Nazzjonalista fakkar ukoll li l-varjazzjonijiet meħtieġa dejjem għaddew minn proċess ta’ approvazzjoni mid-Dipartiment tal-Kuntratti wara skrutinju fuq kull kaz kif preżentat mit-tekniċi.
Tkellem ukoll dwar l-urġenza tal-apparat tal-logħob għat-tfal. Il-Partit Nazzjonalista qal li l-fatt hu li l-Park tal-Familja kien park li kellu jinbena fuq miżbla abbandunata bħala kundizzjoni tal-permess sabiex jinbena l-Impjant ta’ Sant’Antnin. Kien hemm żmien stipulat sa meta dan kellu jsir.
Ir-rapport tal-Awditur Ġenerali ma jagħti l-ebda rikonoxximent għad-diffikultajiet li kien jiffaċċja t-tim tekniku responsabbli mill-estimi, li f’dawn it-tip ta’ proġetti ma kienx jeżisti cost base lokali u konsistenti fejn wieħed seta’ jagħmel kalkolu preċiż f’dak li għandu x’jaqsam ma’ stimi. Illum, bl-esperjenza li nġabret fuq dawn il-proġetti, wieħed jistenna li l-istimi jqarrbu iktar lejn l-ispiża finali.
Il-Partit Nazzjonalista qal li kien jistenna li l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali jsemmi li qatt ma kkomunika man-nies kollha li kienu nvoluti fuq dawn il-proġetti u li twarrbu mill-Gvern preżenti għal raġunijiet partiġjani.
Li huwa kurjuż hu kif l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali sab nuqqasijiet fl-immodernizzar tal-Impjant ta’ Sant’Antnin, mentri l-Unjoni Ewropea awditjat il-proċess użat u ħarġet il-flus għal dan il-proġett mingħajr problemi, temmet tgħid il-Partit Nazzjonalista. Il-Partit Nazzjonalista qal li f’dan kollu xi ħaġa mhux qed tinkwadra, għax kieku veru kien hemm in-nuqqasijiet żgur li l-fondi ma kienux jiġu approvati mill-Unjoni Ewropea.