Lokali Sport

Il-Partit Nazzjonalista se jorganizza konferenza nazzjonali dwar l-isport

Għall-ewwel darba f’pajjiżna se tiġi organizzata konferenza nazzjonali ta’ tlett ijiem dwar l-isport, bejn is-6 u t-8 ta’ Ġunju, u li ġġib l-isem ‘L-Isport f’Malta, il-Pass li jmiss.’

F’din il-Konferenza Nazzjonali, li se ssir fil-Kumpess Sportiv tal-Kottonera se jipparteċipaw ukoll protagonisti internazzjonali fil-qasam tal-isport – fosthom Nick Powell; iċ-Chief Editor ta’ Sky Sports, Felice Mariani; l-ewwel judoka Taljan li rebaħ midalja fl-Olimpjadi, Sharon Gaytor; atleta Ingliża li għandha rekord dinji fl-isport tal-Ultra Distance, kif ukoll Beniamino Vignola; eks plejer ta’ Juventus li rebaħ unuri kbar fis-snin tmenin.

Id-dettalji dwar din il-konferenza li qed tiġi organizzata minn TimSport PN, il-fergħa tal-Partit Nazzjonalista li twaqqfet apposta biex tingħata importanza lill-isport f’pajjiżna, ingħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata miċ-Chairman ta’ Team Sport PN Robbie Ebejer.

Hu fisser kif din il-konferenza se tinvolvi numru kbir ta’ assoċjazzjonijiet lokali f’diversi dixxiplini, li se jieħdu sehem bit-timijiet nazzjonali rispettivi ta’ pajjiżna kemm f’dixxiplini sportivi kif ukoll diskussjonijiet matul dawn it-tlett ijiem.

Min-naħa tiegħu l-Kelliem tal-Oppożizzjoni responsabbli mill-Isport Robert Cutajar fisser din il-konferenza nazzjonali bħala opportunità biex pajjiżna jagħmel qabża fl-isport u l-valuri li jġib miegħu. Hu għalhekk li fost it-temi li se titratta din il-konferenza hemm l-obeżità, ir-razziżmu, l-inklussività, u l-formazzjoni tal-karattru tat-tfal u ż-żgħażagħ.

Robert Cutajar qal ukoll li din il-konferenza nazzjonali hi xhieda ta’ Partit Nazzjonalista li jrid jogħla ‘il fuq mill-politika fejn jidħol l-isport tant li s-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, l-Innovazzjoni, iż-Żgħażagħ u l-Isport Chris Agius se jkun wieħed mill-kelliema li se jindirizzaw din il-konferenza nazzjonali li se tara wkoll il-parteċipazzjoni tal-Kelliema tal-Alternattiva Demokratika Clare Azzopardi.

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet tkellem ukoll Norman Vella, kandidat f’isem il-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, li qal li l-isport se jkun suġġett importanti fil-ħidma tiegħu u enfasizza li jrid ikun aċċessibbli għal kulħadd. Fakkar kif l-Unjoni Ewropea fl-aħħar Baġit żiedet l-allokazzjoni tal-fondi ghall-isport u għalhekk pajjiżna jrid jisfrutta dawn il-fondi.