Lokali

Il-poplu Malti dejjem għamel suċċess – Francis Zammit Dimech

F’laqgħa mad-diretturi u l-ħaddiema tal-kumpanija 6PM, Francis Zammit Dimech, kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-Paralment Ewropew, tenna li kull meta l-poplu Malti mhux biss tħalla iżda kien inkorraġit joħroġ t-talenti tiegħu dan għamel suċċess ferm ikbar mid-daqs ta’ pajjiżna u l-popolazzjoni tagħna.

Francis Zammit Dimech qal li wara li pajjiżna 10 snin ilu ssieħeb fl-Unjoni Ewropea, numru konsiderevoli ta’ kumpaniji Maltin, f’diversi oqsma, espandew il-ħidma tagħhom f’Malta u barra xtutna. Fost dawn hemm il-kumpanija 6PM, grupp li jaħdem fil-qasam tat-teknoloġija tal-informatika u ‘software solutions’ li llum tħaddem aktar minn 100 konsulent teknoloġiku f’Malta, il-Maċedonja u r-Renju Unit. Riċentament il-kumpanija fetħet ukoll uffiċju f’Limerick, l-Irlanda fejn Six-PM Health Solutions (Ireland) tħaddem preżentament 13-il ħaddiem.

Il-kandidat Nazzjonalista fisser kif id-diversifikazzjoni tal-ekonomija Maltija f’oqsma ġodda u li jħarsu ’il quddiem, bħal kumpanija 6PM, ikkontribwew biex pajjiżna fl-aħħar snin kabbar in-numru ta’ dawk jaħdmu b’pass bla preċedenti minkejja l-kriżi ekonomika u finanzjarja li laqtet id-dinja. Iżda, saħaq, li ma nistgħu nieħdu xejn ‘for granted’. “Fl-aħħar sena Malta kellha żieda fin-numru ta’ dawk bla xogħol. Ċifri ppubblikati mill-eurostat għall-Frar li għadda jindikaw li filwaqt li fost it-28 pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea fi Frar ta’ din is-sena kien hemm nuqqas fil-qgħad ta’ 0.3% fuq Frar tas-sena l-oħra – minn 10.9% fi Frar 2013 għal 10.6% fi Frar 2014; il-qgħad f’Malta żdied b’0.6 fil-mija minn 6.3% fi Frar is-sena l-oħra għal 6.9% fi Frar din is-sena”, sostna Francis Zammit Dimech.

Hu żied li din iż-żieda fil-qgħad għandha tiġi analizzata biex naraw x’sejjer ħażin fl-ekonomija ta’ pajjiżna u għaliex m’aħniex inkomplu nkabbru l-opportunitajiet tax-xogħol b’tali mod li jlaħħqu man-numru ta’ dawk li jkunu qed ifittxu impjieg, kif kien qed jiġri sa’ ftit tax-xhur ilu.

Francis Zammit Dimech temm li l-wiegħda tiegħu, f’każ li jiġi elett għall-Parlament Ewropew, hi li jikkunsidra kwalunkwe leġiżlazzjoni f’dan il-Parlament mil-lat tal-ħolqien ta’ impjiegi ġodda u tad-difiża ta’ impjiegi eżistenti f’Malta. B’mod partikolari, flimkien ma’ sħabu, jikkonċentra fuq it-tkabbir tas-settur finanzjarju tagħna, is-settur marittimu, kif ukoll oqsma nnovattivi oħra ta’ tkabbir ta’ impjiegi billi jeżamina leġiżlazzjoni Ewropea eżistenti u ġdida mill-lat tal-impatt tagħha fuq pajjiżna u dwar kif nistgħu nibbenefikaw mill-politika tal-Unjoni Ewropea f’dan is-settur.