Lokali Parlament

Ippublikat ktieb dwar ir-rulings li ngħataw f’din l-aħħar sena

“Is-Sedja Titkellem” huwa l-isem ta’ pubblikazzjoni maħruġa mill-Ispeaker tal-Kamra Anġlu Farrugia, ktieb li jinkludi fih ir-rulings kollha li taw l-Ispeaker u d-Deputat Speaker tal-Kamra f’din l-aħħar sena.

B’22 ruling fil-paġni tiegħu, il-ktieb jinkludi rulings bħall-‘impeachment’ tal-Imħallef Farrugia Sacco, kif ukoll is-smiegħ tal-Kumitat tal-Kontijiet Publiċi, fil-każ tal-Enemalta.
F’konferenza stampa, Anġlu Farrugia qal li l-għan ta’ din il-pubblikazzjoni hu li l-pubbliku jkun mgħarraf iktar dwar ix-xogħol li jitwettaq fl-għola istituzzjoni tal-President ta’ Malta. Hu semma’ wkoll kif fil-ġimgħat li ġejjin Kummissjoni interna, imqabbda apposta minnu nnifsu, se tkun qed tirrapporta fuq l-lat amministrattiv tal-awtonomija tal-Parlament.
Hu rringrazzja liż-żewġ naħat tal-Kamra għax-xogħol li wettqu fl-ewwel sena ta’ din il-leġiżlatura u ħabbar li fix-xhur li ġejjin, l-Uffiċju tiegħu se jkun qed jippublika ktieb ieħor, din id-darba dwar id-diplomazija fil-Parlament.