Kummerċ Lokali

Is-sidien tan-negozju jaqblu li l-ħinijiet tal-ftuħ tal-ħwienet ma jkunux ristretti

Il-maġġoranza tal-membri tal-GRTU jaqblu li bħala sidien tan-negozji, għandhom jingħataw aktar libertà dwar il-ħinijiet u l-ġranet tal-ftuħ tal-ħwienet tagħhom.

Dan ħareġ minn stħarriġ li għamlet il-GRTU, li fi kliem il-President tagħha Paul Abela, kien l-akbar wieħed li qatt għamlet il-GRTU, u li fih ipparteċipaw madwar 500 sid ta’ negozju differenti.

Fl-istħarriġ li sar, li kien ibbażat fuq risposti dettaljati ta’ kull sid ta’ negozju li ġie intervistat, 62% wieġbu li huma kontra li l-ħinijiet tal-ftuħ tal-ħwienet ikunu ristretti.

Fi kliem Paul Abela, is-suġġett tal-ħinijiet u l-ġranet tal-ftuħ tal-ħwienet jolqot b’mod partikolari dawk in-negozji żgħar li jimpjegaw sa tliet ħaddiema, iżda jidher li anke din il-faxxa ta’ sidien ta’ negozji wieġbu kontra li jkun hemm restrizzjonijiet fil-ħinijiet tal-ftuħ tal-ħwienet.

Mistoqsija oħra li saret fl-istħarriġ kienet jekk il-membri tal-GRTU jaqblux li l-ftuħ tal-ħwienet fil-ħdud ikun restritt, u anke’ hawnekk kien hemm aktar min-nofs tat-tweġibiet kontra li jkun hemm dawn ir-restrizzjonijiet, b’52% jgħidu li m’għandux ikun hemm restrizzjonijiet fil-ftuħ ta’ ħwienet fil-Ħdud.

Tendenza simili wkoll għall-mistoqsija jekk il-ħwienet għandhomx jingħalqu fil-festi pubbliċi, b’54% jgħidu li l-ħwienet għandhom jibqgħu miftuħin f’dawn il-festi.

Il-preżentazzjoni tar-riżultati minn dan l-istħarriġ saret fil-preżenza tal-Ministru tal-Ekonomija, l-Investiment u l-Intrapriżi ż-Żgħar Chris Cardona, li fl-indirizz tiegħu qal li dan l-istħarriġ se jkun t’għajnuna fix-xogħol li bħalissa għaddej fuq il-White Paper dwar il-ħinijiet tal-ftuħ tal-ħwienet.

Il-Ministru qal li madanakolu ma tistax tinħoloq sitwazzjoni fejn ir-regoli jispiċċaw, għaliex inkella jkun hemm min jabbuża mis-sitwazzjoni, għad-detriment tal-ħaddiema u l-ġirien li jgħixu fl-inħawi. Spjega li qed issir konsultazzjoni biex fl-aħħar tittieħed id-deċiżjoni għaqlija li tirrifletti x-xewqat ta’ kulħadd.