Internazzjonali

Jingħalaq Abu Ghraib

Il-Gvern tal-Iraq ħabbar li kien għalaq il-ħabs ta’ Abu Ghraib minħabba raġunijiet ta’ sigurta’.

Il-Ministeru tal-Ġustizzja ħabbar ukoll li l-2,400 persuna li kien hemm miżmuma fiħ kienu trasferiti lejn ħabsijiet oħra madwar il-pajjiż. Dan il-ħabs kien fiċ-ċentru ta’ skandlu kbir fl-2004 minħabba ritratti ta’ suldati Amerikani jabbużaw priġunieri Iraqin miżmuma hemmhekk. Wara l-iskandlu, il-ħabs ingħata isem ġdid, il-Ħabs Ċentrali ta’ Bagdad, imma baqa’ magħruf bl-isem orġinali tiegħu.

Fi żmien id-ditattura ta’ Saddam Hussein, mijiet ta’ nies hu maħsub li kienu torturati u maqtula fih. F’Lulju tas-sena li għaddiet, militanti kienu attakkaw il-ħabs u rnexxielhom iħarbu mijiet ta’ priġunieri. Abu Gharib jinsab madwar 25 kilometru minn Falluja li tinsab f’idejn militanti Islamiċi.