Lokali

Jinħatar Kummissarju ġdid għall-Protezzjoni tad-data

Saviour Cachia ġie maħtur Kummissarju għall-Informazzjoni u Protezzjoni tad-Data meta dalgħodu ħa l-ġurament tal-ħatra mill-Avukat Ġenerali Dr Peter Grech. Huwa se jkun qed jieħu post Joe Ebejer.

Is-Sur Cachia daħal fis-servizz pubbliku fl-1976 bir-responsabilità li jintroduċi qasam ġdid fis-settur tal-informatika. Fl-1998, mexxa working group għal reviżjoni ta’ abbozz ta’ liġi dwar prattiċi ta’ informazzjoni u protezzjoni tad-Data. Huwa kellu wkoll sehem tul in-negozjati ta’ Malta mal-Unjoni Ewropea f’materji relatati ma’ Protezzjoni tad-Data u kien strumentali biex l-Att dwar il-Protezzjoni tad-Data ikun konformi mad-Direttivi Ewropej.

Fl-aħħar snin, ikkontribwixxa biex il-Korp tal-Pulizija seta’ jsir membru fi ħdan il-Europol u kien strumentali fl-implimentazzjoni fuq livell nazzjonali tal-Att dwar il-Protezzjoni tad-Data.

Il-ħatra tas-Sur Cachia hija b’effett mill-25 ta’ Marzu 2014.

Sadanittant, il-Ministru Evarist Bartolo ippubblika ittra lil Kummissarju l-ġdid biex jirreaġixxi għat-tħassib li tqajjem dwar l-avviż legali li permezz tiegħu l-Ministru tal-Edukazzjoni se jkollu aċċess għal informazzjoni sensittiva tal-istudenti.

Fl-ittra, il-Ministru Bartolo jgħid li jixtieq jaħdem mal-Kummissarju l-ġdid biex l-avviż legali jitħaddem b’mod li jilħaq l-għanijiet tiegħu waqt li jkun hemm il-protezzjoni kollha meħtieġa għad-dritt tal-privatezza.