Lokali

L-40 anniversarju tal-Air Malta mfakkar bil-kuluri oriġinali

Ajruplan miżbugħ bl-istess kuluri kif dawk oriġinali ta’ 40 sena ilu ikkaratterizza u kien il-qofol ta’ ċerimonja li fakkret l-40 anniversarju mit-twaqqif tal-linja nazzjonali tal-ajru, l-Air Malta.

Iċ-ċerimonja saret fil-mitjar f’Ħal Luqa u għaliha kienu preżenti l-Ministru responsabbli mill-Air Malta Edward Zammit Louis, ex-Chairmen, ex-uffiċjali u membri tal-bord kif ukoll ex-impjegati.

L-ewwel titjira tal-Air Malta saret fl-1 ta’ April 1974 b’ajruplan Boeing 720B minn Ħal Luqa għal Heathrow Londra.

L-ajruplan mizbugħ bil-kuluri oriġinali kien milqugħ b’entużjażmu minn dawk preżenti, hekk kif dan tar fil-baxx fuq il-mitjar u għadda minn taħt arkata ta’ ilma hekk kif niżel.

Fid-diskors tiegħu l-Ministru Zammit Lewis tkellem dwar il-kontribut li l-Air Malta tat lill-industrija tat-turizmu Maltija u qal li llum Malta hi magħquda ma’ 83 destinzzjoni madwar id-dinja.

Hu qal li l-Air Malta kisbet il-fiduċja u qed iżżid fir-ritmu tax-xogħol tagħha bla ma tirtira mis-swieq. Dan filwaqt li qed tħares lejn opportunitajiet u sfidi ġodda b’determinazzjoni.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Air Malta qal li sal-lum l-Air Malta taret ‘il fuq minn 657 miljun kilometru u ġarret ‘il fuq minn 49 miljun passiġġier u iktar minn 74 miljun bagalja. Dan filwaqt li sservew iktar minn 25,000 tunellata ta’ ikel.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Air Malta sostna li lil hinn mis-simboliżmu u l-kommemorazzjonijiet, l-Air Malta trid tissokta fil-vjaġġ taghha, vjaġġ li hu karatterizzat minn kompetizzjoni intensa u tibdil kontinwu.

Hu qal li l-Air Malta dejjem kienet preżenti biex issostni l-iżvilupp ekonomiku tal-pajjiż u għenet fil-ħolqien tal-impjiegi mhux biss fis-settur turistiku iżda wkoll fis-settur ekonomiċi kollha.

Issa jeħtieġ, sostna l-Kap Eżekuttiv tal-Air Malta, li l-kumpanija tkun iktar effiċjenti u produttiva biex kull vjaġġ ikun massimizzat biex b’hekk tkun żgurata s-sostenibbilta’ tal-kumpanija.

Ritratt: Roberto Runza