Formula 1

L-appell tar-Red Bull ma jintlaqax

L-appell li ressqu r-Red Bull dwar l-iskwalifika tas-sewwieq Daniel Ricciardo mill-ewwel Grand Prix tal-istaġun fl-Awstralja ma ntlaqax mill-Qorti tal-Appell tal-FIA.

Ricciardo, kien spiċċa fit-tieni post fl-Awstralja fid-debutt tiegħu mat-tim iżda pront kien ġie skwalifikat minħabba li skont l-uffiċċjali l-karozza tiegħu kienet qed tieħu aktar fuel milli suppost. B’din id-deċiżjoni Ricciardo se jibqa’ jokkupa l-10 post fil-klassifika tas-sewwieqa bi 12-il punt. Barra minn hekk, Kevin Magnussen u Jenson Button, it-tnejn tal-McLaren li spiċċaw fit-tielet u fir-raba’ post, issa se javanzaw post fir-riżultat finali tal-GP tal-Awstralja.

Din mhux l-ewwel darba li Ricciardo ingħata xi forma ta’ penalita` dan l-istaġun. L-Awstraljan kellu jibda 10 postijiet lura waqt il-GP tal-Bahrain wara li fil-GP tal-Malasja, meta kien fil-pits, ħareġ b’mod perikoluż.

Fi tmiem il-ġimgħa se jsir il-Grand Prix taċ-Ċina.