Lokali

L-Isqfijiet jirreaġixxu għal-liġi tal-Unjoni Ċivili

Għalkemm il-viżjoni tal-Ħallieq dwar iż-żwieġ u s-sesswalità hi differenti minn dik ippreżentata mill-liġi li għaddiet mill-Parlament nhar it-Tnejn, il-komunità Nisranija jibqgħalha d-dmir li turi mħabba pastorali għal kull persuna, hi min hi, u l-bibien tal-Knisja jibqgħu miftuħin għal min ġenwinament ifittex lill-Mulej.

Issa li l-Istat Malti introduċa l-unjoni ċivili għal koppji tal-istess sess, l-awgurju tagħna huwa li l-istess Stat Malti jqawwi l-ħidma tiegħu biex isaħħaħ il-familja li titnissel mir-rabta ta’ raġel u mara fiż-żwieġ.

Hekk tikkonkludi stqarrija maħruġa mill-Isqfijiet Maltin dwar il-liġi tal-Unjoni Ċivili li daħlet fis-seħħ iktar kmieni din il-ġimgħa.

Fl-istqarrija, l-Isqfijiet saħqu li minkejja t-tibdil li għaddejjin minnu, is-soċjetà għandha tkompli tagħmel kuraġġ u tirsisti biex tibqa’ tgħożż u tagħti preferenza lill-familja naturali mibnija fuq iż-żwieġ bejn raġel u mara. Din il-familja, fejn il-missier u l-omm, misjuqa mill-imħabba ġenwina, inisslu l-ħajja u b’ħafna għozza u sagrifiċċju, jrabbu u jedukaw lil uliedhom hija riżorsa indispensabbli għan-nazzjon. Jekk din il-familja tiġi nieqsa, inkunu għamilna ġerħa lill-umanità.

L-Isqfijiet ikomplu li għad hawn sensibilità qawwija favur it-tfal, kemm dawk li huma wlied naturali kif ukoll dawk adottati. Huwa dmir li jkun hawn strumenti legali tajbin biex l-interessi u d-drittijiet tat-tfal ikunu rispettati minn kulħadd.

Ħadd ma jista’ jħassar id-differenzi u l-kumplimentarjetà sesswali bejn raġel u mara. Ir-relazzjonijiet ta’ koppji omosesswali min-natura tagħhom jibqgħu għal kollox differenti minn dawk ta’ koppji eterosesswali. Id-drittijiet fundamentali ta’ kull persuna, hi min hi u hu x’inhu l-orjentament sesswali tagħha, għandhom dejjem ikunu mħarsa mil-liġijiet tal-pajjiż.