Kultura

Mixgħela mill-Kummissjoni Żgħażagħ Bastjaniżi ta’ Ħal Qormi

Il-Kummissjoni Żgħażagħ Bastjaniżi ta’ Ħal Qormi, għar-raba’ sena ser tkun qiegħda tagħmel mixgħela spettakolari fil-lejl ta’ Ħamis ix-Xirka, fuq iz-Zuntier tal-Knisja Parrokkjali ta’ San Sebastjan f’Ħal Qormi.

L-għan ta’ din il-mixgħela hu li jinħoloq ambjent uniku ta’ skiet, ġabra u riflessjoni permezz ta’ eluf ta’ xemgħat li jkunu qegħdin jiffurmaw episodji jew simboli marbuta mal-Ġimgħa Mqaddsa sabiex jgħinu li dak li jkun jipprepara ruħu qabel ma jidħol fil-Knisja Parrokkjali sabiex jagħmel il-visti. Fost l-episodji li ġew ppreżentati fis-snin li għaddew insibu l-wiċċ ta’ Marija Addolorata, Ġesù mgħobbi bis-Salib u l-Golgota.

Il-Preparamenti għall-mixgħela ta’ din is-sena jinsabu fl-aqwa tagħhom, u ftit ġranet oħra kollox ikun ippreparat sabiex dawk l-eluf ta’ xemgħat jiġu ppustjati b’dedikazzjoni fuq iz-Zuntier tal-Knisja Parrokkjali…imma jkun jonqos INT, li tiġi tara, tapprezza u b’dan il-mod ngħinuk tidħol fi spirtu ta’ ġabra sabiex tirrifletti fuq dan il-lejl qaddis.