Lokali Saħħa

Prevenzjoni aħjar mill-kura – Kampanja dwar l-effetti tar-raġġi tax-xemx

Hekk kif ninsabu fuq l-għatba tal-istaġun tas-sajf, id-Dipartiment tal-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard minnufih beda bil-ħidma tiegħu biex jagħti tagħrif dwar l-effett tax-xemx u l-ħsara li din tista’ tikkaġuna.

Infatti, fil-bini tad-Dipartiment, tnediet il-ħmistax-il edizzjoni tal-kampanja ‘Euro-Melanoma Skin Cancer Campaign’ bil-għan li titqajjem kuxjenza dwar l-effetti ħżiena tax-xemx fuq il-ġilda, u wieħed x’jista’ jagħmel biex jevita li jiżviluppawlu kumplikazzjonijiet fil-ġilda, fosthom kanċer tal-ġilda, imsejjaħ ‘Melanoma’.

Bla dubju li x-xemx, jekk mhux kulħadd, kważi kulħadd iħobbha, u ħafna jkunu qed jistennew is-sajf biex imorru l-baħar jixxemxu, f’atmosfera sajfija. Iżda żgur li mhux kulħadd jaf li fl-aħħar għoxrin sena, f’pajjiżna mietu 118-il persuna kaġun tal-Melanoma, jew dan it-tip ta’ kanċer tal-ġilda. L-istatistika turi wkoll li dan ifisser li mietet persuna waħda minn kull sitta li ntlaqtu mill-Melanoma.

It-tnedija tal-kampanja saret mid-Direttur tad-Dipartiment tal-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard Charmaine Gauci, li spjegat li huwa vitali li meta noħorġu fis-siegħat fejn ix-xemx tkun fl-aqwa tagħha, jiġifieri bejn il-11am u l-4pm, nilbsu ilbies protettiv, bħal nuċċalijiet, kpiepel, ilbies sajfi li jilqa’ r-raġġi tax-xemx u sunscreen sabiex wieħed jnaqqas kemm jista’ jkun li jitlaqat mir-raġġi tax-xemx.

Tkellem ukoll Lawrence Scerri, Chairman tad-Dipartiment tad-Dermatoloġija, li spjega li kanċer tal-ġilda jista’ jitfaċċa snin wara li r-raġġi tax-xemx ikunu laqtu l-ġisem, u dan ifisser li wieħed irid joqgħod aktar attent, u japplika aktar miżuri ta’ prevenzjoni.

Min-naħa tiegħu, Michael Boffa, konsulent fid-Dipartiment tad-Dermatoloġija, fisser li wieħed jista’ faċilment jinduna jekk ikun hemm bidu ta’ Melanoma hekk kif fuq il-ġilda tista’ titfaċċa xi għaddsa jew marka oħra fil-ġilda li tikber maż-żmien, u li jkollha numru ta’ fatturi, fosthom li ma tkunx simmetrika, u li ma tkunx ta’ lewn wieħed. Hu appella biex kull min jinduna b’xi marka suspettuża, imur ifittex parir mediku minnufih.

Il-Melanoma, jew kanċer tal-ġilda, jista’ jiġi rimedjat jekk wieħed ifittex l-għajnuna fil-fażi bikrija tal-iżvilupp tiegħu, għaldaqstant, bħala parti mill-kampanja se tkun qed tiġi organizzata ġurnata li fiha l-pubbliku jista’ jmur għal ‘screening’ b’xejn fid-Dipartiment tad-Dermatoloġija fl-Isptar Boffa b’appuntament li jista’ jsir qabel billi wieħed iċempel fuq in-numri 22987105 jew 22987153.