Ewropa

Roberta Metsola ttenni l-appoġġ tal-PN għall-kandidatura ta’ Jean-Claude Juncker

F’laqgħa li kellha ma’ Jean-Claude Juncker, il-Membru tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola tenniet l-appoġġ tal-Partit Nazzjonalista għall-kandidatura ta’ Jean-Claude Juncker għall-kariga ta’ President tal-Kummissjoni Ewropea.

Matul il-laqgħa, Metsola u Juncker iddiskutew l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew li se jsiru f’Mejju li ġej u t-tellieqa għall-Presidenza tal-Kummissjoni. Roberta Metsola qalet li minħabba li Juncker huwa mil-Lussimburgu, jifhem eżattament iċ-ċirkustanzi ta’ stati membri żgħar bħall Malta u jafferma li dawn iċ-ċirkostanzi għandhom jittieħdu dejjem konsiderazzjoni fil-proċess tat-tehid tad-deċiżjonijiet fuq livell ewropew.

Roberta Metsola ddeskriviet lil Juncker bħala bniedem b’esperjenza kbira, ħabib kbir ta’ Malta u b’viżjoni ewropea li tinkludi tkabbir ekonomiku, ħolqien ta’ postijiet tax-xogħol, paċi u prosperità.

Juncker, li serva għal żmien twil bħala Prim Ministru ta’ Lussimburgu, huwa l-kandidat f’isem il-Partit Popolari Ewropew għat-tmexxija tal-Kummissjoni Ewropea u se jkun qed jaffaċċja lis-Soċjalista Martin Schulz.

Sadanittant, għada, fl-aħħar seduta plenarja tal-Parlament Ewropew, se jittieħed vot fuq żewġ rapporti miktuba minn Roberta Metsola dwar l-ażil u l-irwol tal-uffiċju ewropew għall-ażil, ibbażat f’Malta.