Somalu ta’ 35 sena, residenti l-Belt kien ikkundannat 18-il xahar ħabs wara li ammetta li seraq diversi oġġetti minn fuq jott ta’ negozjant Libjan. Din ma kienitx l-ewwel darba li Osman mar il-ħabs. Fil-passat huwa kien instab ħati ta’ stupru u li kiser numru ta’ kundizzjonijiet tal-Qorti. Bħalissa huwa jinsab għaddej ukoll proċeduri wara li allegatament ħebb għal ex kadett tar-Royal Marines.
Omar Osman Omar ammetta li fit-8 ta’ April, f’xi ħin bejn it-2.30 a.m. u l-3.45 a.m., seraq oġġetti minn fuq il-jott “La Ayazula” b’dannu għal Husnibay Houda ta’ nazzjonalità Libjana.
Huwa ammetta wkoll li kiser digriet tal-Qorti tal-Maġistrati mogħti fl-4 ta’ Diċembru li għadda li fih ingħata l-ħelsien mill-arrest b’rabta ma’ każ ieħor bil-kundizzjoni li jkun fid-dar tiegħu bejn l-10.00 p.m. u s-6.00 a.m.
L-oġġetti li seraq kienu ‘laptop’ tat-tip Sony Vaio, telefon ċellulari tad-ditta HTC u arloġġ tad-ditta Bvlgari li jiswa madwar €4,000. Huma kienu ritornati lis-sid.
Omar kien arrestat mill-Pulizija wara li din elevat filmat minn CCTV cameras fil-‘yacht marina’ tal-Gżira fejn kien sorġut il-jott. Huwa tressaq quddiem il-Maġistrat Myriam Hayman mill-Ispettur Jason Francis Sultana u Sandro Millo waqt li għalih deher l-Avukat Noel Bianco.
//= $special ?>

