Lokali

Stefano Mallia jagħti d-demm f’inizjattiva li bdiet minn fuq facebook

Il-kampanja tal-kandidat tal-PN għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Stefano Mallia kompliet permezz ta’ attività li fiha hu u numru ta’ persuni oħrajn marru jagħtu d-demm fil-Bank tad-Demm fi Gwardamanġa.

Din l-attività taf il-bidu tagħha minn fuq il-Facebook ta’ Stefano Mallia – fejn il-kandidat Nazzjonalista introduċa App forma ta’ qatra tad-demm, li timtela’ permezz tal-Likes tal-pubbliku.

Stefano Mallia intrabat li hekk kif din il-qatra demm timtela, hu u ħames persuni oħra jmorru jagħtu d-demm. Hekk fil-fatt sar meta l-qatra mtliet.

Qabel l-għoti tad-demm Stefano Mallia indirizza lill-ġurnalisti u qal li din hi attività li tibgħat messaġġ pożittiv fis-soċjetà Maltija.

“Jien dħalt fil-politika biex nagħmel politika pożittiva”, sostna Stefano Mallia, li appella biex is-soċjetà tifhem dejjem iktar l-importanza tal-għoti tad-demm li fil-fatt hi waħda mill-ikbar għotjiet li dak li jkun jista’ jagħmel.

Stefano Mallia tkellem dwar il-mod kif l-UE tista’ tgħin fl-investiment f’dan is-settur permezz ta’ fondi u permezz ta’ programmi li jeżistu.

It-Tabib Alex Aquilina, il-Kap tal-Bank tad-Demm, qal li hu pożittiv li l-politiċi jagħmlu attivitajiet simili ta’ għoti tad-demm għaliex b’hekk tikber il-kuxjenza dwar l-importanza li l-poplu jsalva ħajja billi jagħti d-demm.

It-Tabib Aquilina qal li l-pazjenti u l-għoti tad-demm m’għandhomx kulur politiku u enfasizza li l-għoti tad-demm hu fil-fatt għoti tal-ħajja.