Lokali

Ċelebrazzjonijiet f’ Ħamis ix-Xirka

Il-Knisja Kattolika llum qed tfakkar Ħamis ix-Xirka u fil-Kon-Kattidral ta’ San Ġwann dalgħodu saret iċ-Ċerimonja tat-Tberik taż-Żjut Imqaddsa, ċerimonja li hi waħda importanti għall-Knisja Kattolika.

Iċ-Ċerminonja tat-Tberik taż-Żjut f’Ħamis ix-Xirka issir mhux biss f’pajjizna, iżda wkoll f’kull Katidral tal-Knisja Kattolika madwar id-dinja. Din il-funzjoni sservi biex jitbierku ż-żjut li mbagħad jintużaw matul dik is-sena.

Għal din iċ-ċerimonja, li kienet ikkonċelebrata mill-Arċisqof ta’ Malta, Pawlu Cremona, attendew mijiet ta’ saċerdoti djoċesani u reliġjuzi mill-Arċidjoċesi ta’ Malta. Ħadu sehem ukoll l-Isqof Awziljarju, Monsinjur Charles Scicluna, in-Nunzju Appostoliku, Monsinjur Aldo Cavalli u n-Nunzju Monsinjur Joseph Spiteri li jservi barra minn Malta.

Fl-omelija l-Arcisqof fakkar li Alla l-Imbierek tagħna l-grazzji kollha li għandna bżonn biex ngħixu l-konsagrazzjoni. Hu spjega is-sinifikat tat-tberik taż-żjut filwaqt li appella lis-sacerdoti jitolbu għal qdusija tagħhom u biex ikunu sacerdoti medjaturi u jaqdu l-missjoni tagħhom bil-ferħ u b’ħafna imħabba.

Wara saret il-funzjoni li fiha s-Saċerdoti preżenti ġeddew il-wegħdi li għamlu dakinhar tal-ordinazzjoni saċerdotali.

L-Arċisqof wara bierek iż-Żjut Imqaddsa li jintużaw fiċ-ċelebrazzjoni tas-Sagrament tal-Griżma tal-Morda, iż-Żejt tal-Katekumeni li jintuża fil-Magħmudijiet u ż-Żejt tal-Konfermazzjoni u tal-Ordni Sagri.

Sadattant filgħaxija, fil-Konkatidral ta’ San Ġwann ukoll saret it-tifkira solenni tal-Ikla tal-Mulej. L-Arċisqof Pawlu Cremona mexxa l-funzjoni li kienet tinkludi l-ħasil tar-riġlejn. Wara l-quddiesa, l-Arċisqof ħa s-Sagrament lejn l-artal tar-Repożizzjoni fejn is-Sagrament jinżamm għall-qima tal-Insara.

Wara din il-funzjoni bdew il-viżti tas-Seba’ Knejjes fejn ingħata bidu għall-Adorazzjoni Ewkaristika ta’ Ħamis ix-Xirka. Hi tradizzjoni li n-nies iżuru l-knejjes fejn ikun hemm l-Artal tar-Repożizzjoni u jimmeditaw fuq il-kobor ta’ l-imħabba li Kristu wriena fl-Ewkaristija.

L-Isqof Monsinjur Charles Scicluna mexxa t-Tifkira Solenni tal-Ikla tal-Mulej fil-Katidral tal-Imdina.