Lokali

Dolores Cristina se tkun konfermata ‘Aġent President’

Dolores Cristina se terġa’ tkun konfermata ‘Acting President’ ta’ Malta għal dawk il-perjodi li fihom, Marie Louise Coleiro Preca tkun indisposta milli taqdi d-dmirjiet tagħha bħala President ta’ Malta.

Dan tħabbar waqt żjara li saret lill-President ta’ Malta mix-Shadow Cabinet tal-Oppożizzjoni mmexxi mill-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil.

Matul il-laqgħa, li saret fil-Palazz tal-President fil-Belt Valletta, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li jinsab infurmat li Dolores Cristina se tkun konfermata bħala ‘Aġent President’ wara li kienet qdiet dan l-irwol anke’ matul is-sena li għaddiet.

Min-naħa tagħha il-President Coleiro Preca ikkonfermat l-aħbar li Dolores Cristina se tkun ikkonfermata Aġent President, u esprimiet ix-xewqa li l-ħidma tagħha bħala Aġent President issir matul is-sena kollha, u mhux biss meta l-President tkun assenti, speċjalment f’oqsma bħal ma huma l-promozzjoni tal-involviment tan-nisa f’karigi importanti.

Il-President qalet li r-relazzjoni tagħha ma’ Dolores Cristina tmur lura żmien twil, meta t-tnejn kienu jmexxu l-movimenti tan-nisa tal-Partiti rispettivi tagħhom, meta kienet inħarġet stqarrija konġunta fuq kiwstjonijiet komuni, xi ħaġa li ma kienetx soltu.

Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil qal li dan il-pass huwa ġest pożittiv li l-Oppożizzjoni tilqgħu.

Il-laqgħa saret ukoll bil-għan li ssir żjara ta’ korteżija mix-Shadow Cabinet tal-Oppożizzjoni, fejn għal darb’oħra, il-Kap tal-Oppożizzjoni fiehem li d-deċiżjoni tal-Oppożizzjoni li tivvota favur in-nominazzjoni ta’ Marie Louise Coleiro Preca bħala President ta’ Malta kienet deċiżjoni li saret wara diskussjoni u l-Oppożizzjoni vvutat favur konxjament u bil-qalb.

Għal dan, il-President wieġbet li din it-turija ta’ fiduċja għaliha tfisser xi ħaġa kbira, u fit-terminu tagħha bħala President se tkun qed tagħmel ħilitha b’responsabbilta’ akbar biex tkun ta’ sodisfazzjon għall-poplu kollu.