Editorjal

Editorjal: Messaġġi ċari b’vot wieħed

Fil-politika hemm kwistjonijiet li jkunu mpoġġijin b’mod li fihom il-linja, il-pożizzjoni ta’ partit politiku u l-vot tiegħu fil-Parlament ikunu fuq kwistjoni waħda. Eżempju tajjeb ta’ dan kien il-vot ta’ nhar it-Tnejn li għadda fil-Parlament fuq l-emenda kostituzzjonali li ressaq il-Partit Nazzjonalista biex ma jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni kontra l-ebda persuna fuq il-bażi tal-ebda orjentament sesswali. Il-vot tal-Oppożizzjoni fuq dan kellu jagħti messaġġ wieħed fuq kwistjoni waħda: kontra d-diskriminazzjoni.

Kwistjonijiet separati fl-istess vot
Imma mbagħad, hemm kwistjonijiet li jkunu mpoġġijin b’mod li l-pożizzjoni li jieħu partit u kif jivvota fil-Parlament ikun irid jagħti messaġġi fuq kwistjonijiet separati fl-istess vot. U eżempju ta’ dan kien il-vot fuq l-unjonijiet ċivili fil-Parlament nhar it-Tnejn ukoll.

Vot wieħed finali fuq il-liġi sħiħa
Dan kien vot fuq it-tielet qari tal-liġi, jiġifieri vot wieħed finali fuq il-liġi sħiħa kif kienet dak il-ħin u li kienet tinkludi żewġ kwistjonijiet different fiha u allura kienet teħtieġ tliet messaġġi differenti f’vot wieħed: l-unjoni ċivili u, apparti, l-adozzjoni tat-tfal fil-vot ta’ partit wieħed.

Rifless tal-fehma qawwija tal-pubbliku fuq żewġ kwistjonijiet
Maġġoranza kbira fil-pajjiż għandha riservi fuq l-adozzjoni. L-adozzjoni hi dritt tat-tfal, u mhux ta’ min jadotta, u hemm liġi separata dwarha. Imma l-gvern insista li jitfa’ ż-żewġ kwistjonijiet f’daqqa. U allura l-Oppożizzjoni kellha ssib mod kif tirrifletti fil-Parlament il-fehma tal-pubbliku fuq il-kwistjonijiet it-tnejn.

Messaġġi ċari minn Oppożizzjoni waħda dwar l-unjoni ċivili u l-adozzjoni
L-ewwel messaġġ li riedet twassal fil-Parlament l-Oppożizzjoni: qbil qawwi u ċar mal-unjonijiet ċivili, kif hawn qbil ċar u qawwi fil-pajjiż. It-tieni messaġġ: riservi fuq l-adozzjoni tat-tfal, kif hawn riservi ċari u qawwijin fil-pajjiż. It-tielet messaġġ: li l-Oppożizzjoni hi waħda.

L-ebda triq oħra ħlief l-astensjoni motivata
Biex jagħti dat-tliet messaġġi importanti, ma kien hemm l-ebda triq għall-Partit Nazzjonalista ħlief l-astensjoni motivata; jiġifieri vot wieħed magħqud u li jkun reġistrat għaliex ingħata kif ingħata, li l-Oppożizzjoni taqbel – kif taqbel il-maġġoranza l-kbira fil-pajjiż – mal-unjonijiet ċivili, imma għandha riservi – kif għandha l-maġġoranza l-kbira fil-pajjiż – fuq l-adozzjoni tat-tfal, mal-messaġġ politiku importanti ħafna li l-Partit Nazzjonalista hu partit wieħed.

Il-Partit Nazzjonalista rrappreżenta l-maġġoranza l-kbira fuq l-unjonijiet u fuq l-adozzjoni tat-tfal
Min jaqbel ma’ wieħed biss jew tnejn minn dat-tliet messaġġi se jgħid li l-Partit Nazzjonalista messu vvota favur, jew messu vvota kontra. Imma min jifhem li l-Partit Nazzjonalista ried li jirrappreżenta l-maġġoranza qawwija tal-pubbliku fuq iż-żewġ kwistjonijiet tal-unjoni ċivili u tal-adozzjoni tat-tfal waqt li jkun, kif iridu l-pubbliku, partit wieħed, jifhem għala l-astensjoni motivata u reġistrata b’mod uffiċjali waqt il-vot fil-Parlament: pożizzjoni waħda ta’ partit wieħed li jaqbel mal-unjonijiet ċivili imma b’riservi fuq l-adozzjoni. Din hi l-pożizzjoni tal-maġġoranza l-kbira fil-pajjiż.