Internazzjonali

Jintlaħaq qbil biex is-sitwazzjoni fl-Ukrajna ma tkomplix teskala

Il-President Russu Vladimir Putin ċaħad li hemm truppi Russi fl-Ukrajna imma wissa’ li r-Russja kienet lesta tuża l-forza biex tiddefendi lil dawk ta’ nisel Russu fl-Ukrajna. Hu qal li għandu kull dritt li jibgħat it-truppi fl-Ukrajna – għalkemm fl-istess nifs, qal li jittama li ma jasalx biex juża dan id-dritt. Putin kompla jgħid li jittama li l-kriżi tispiċċa permezz tad-djalogu.

Sadattant, tliet persuni nqatlu waqt raid li sar f’bażi fil-Lvant tal-Ukrajna, hekk kif l-Istati Uniti, r-Russja, l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna bdew taħdidiet f’Ġinevra. Din il-laqgħa hija l-ewwel waħda tat-tip tagħha minn mindu l-kriżi eskalat fl-aħħar jiem. Il-pajjiżi tal-Punent qed jakkużaw lir-Russja li qed tgħin lill-attivisti li okkupaw il-bin fl-Ukrajna.

Intant waqt il-laqgħa f’Ġinevra, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Russu Sergei Lavrov qal li l-partijiet kollha involuti f’dan il-kunflitt fthemu biex jittieħdu l-passi neċessarji biex il-kriżi fl-Ukrajna “tiddeskala”.