Din il-ġimgħa dan l-istazzjon żvela li nbdiet petizzjoni, li ġabret aktar minn 1,000 firma f’temp ta’ tliet ijiem, biex ma jsirx żvilupp f’żona li hi ‘l barra mill-iżvilupp f’Wied Garnaw f’Santa Lucija.
Issa, wara xhur sħaħ ta’ kontroversja b’appelli fuq appelli, nbdiet petizzjoni wkoll kontra l-izvilupp li nħareġ il-permess għalih mill-MEPA fil-buffer zone tat-Tempji f’Ta’ Ħaġrat, l-Imġarr.
Din il-ġimgħa stess, l-NGO Flimkien għal Ambjent Aħjar għamlet l-aħħar appell minn sensiela lill-Gvern u lill-MEPA biex ma jibqgħux għaddejjin b’dan il-proġett, li bih, l-istess tempji jafu jiġu f’riskju li ma jibqgħux rikonoxxuti mill-UNESCO.
L-FAA appellat ukoll lill-Kunsill Lokali tal-Imġarr, is-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali kif ukoll lil Heritage Malta biex jagħmlu dak kollu possibbli biex iwaqqfu milli jsir dan l-iżvilupp f’żona li tinsab biss 20 metru ‘l bogħod mit-Tempji f’Ta’ Ħaġrat.
Il-petizzjoni, li tinsab online, f’anqas minn nofs ta’ nhar ġabret aktar minn 500 firma, u mistennija tkompli żżid il-firem fis-siegħat li ġejjin.
//= $special ?>
