Knisja Kultura Lokali

Replika tal-Inkwadru tal-Karmnu jdur id-djar tal-anzjani f’pajjiżna

Id-devozzjoni lejn l-inkawdru tax-Xbieha tal-Madonna tal-Karmnu ilha ħajja għal mijiet ta’ snin. Dan minħabba t-twemmin fil-Madonna tal-Karmnu, b’eluf kbar iżuru s-santwarju fil-belt Valletta kull sena, kif ukoll minħabba li l-istess inkwadru hu assoċjat ma’ numru ta’ mirakli, tant li xi wħud ilaqmuh bħala l-inkwadru “mirakoluż”.

Biex ikompli jħeġġeġ din id-devozzjoni lejn il-Madonna tal-Karmnu, il-Kunvent tal-Karmelitani tal-belt Valletta f’dawn l-aħħar xhur ħadmu biex titlesta replika ta’ dan l-inkwadru maħbub. Dan bil-għan li r-replika tiddawwar madwar Malta u Għawdex, għand dawk li forsi jsibuha diffiċli biex imorru jżuru l-inkwadru oriġinali fis-Santwarju tal-belt.

Għalhekk, dan is-sit tkellem mal-Pirjol tal-Kunvent tal-belt Valletta, Patri Alex Scerri, li spjegalna li l-inkwadru kien inkurunat fl-1881, minħabba d-devozzjoni partikolari li kien ġibed lejh. Hu spjega li l-inkwadru fih ix-xbieha tal-Madonna tal-Karmnu, b’Ġesu’ f’ħoġorha, qed tagħti l-iskapular lil San Xmun Stokk. Dan l-iskapular illum nafuh bħala l-labtu tal-Karmnu, u miegħu hemm marbutha l-wegħda li l-Madonna tal-Karmnu tħares lil dawk li jilbsuh mill-infern, fil-mument tal-mewt tagħhom.

L-inkwadru juri wkoll lil Sant’ Agata ta’ Katanja u Santa Luċija, b’din tal-aħħar jidher biss parti minn wiċċha, fil-ġenb tal-inkwadru.

Il-pellegrinaġġi bir-replika tal-inkwadru tant maħbub se jibdew bit-tberik tiegħu waqt il-quddies tas-6.30pm tal-Erbgħa ta’ wara l-Għid, u mbagħad se jsiru ġimgħa ġimgħa, bħala parti mis-seba’ Erbgħat tal-Madonna tal-Karmnu. Matul dawn is-seba’ ġimgħat, l-inkwadru se jittieħed f’diversi djar tal-anzjani f’Malta u Għawdex.

Il-ħsieb huwa li dawn il-pellegrinaġġi fost l-anzjani jwasslu wkoll għal pellegrinaġġi bir-replika fl-iskejjel ta’ pajjiżna.

L-għan aħħari hu li permezz ta’ dawn il-pellegrinaġġi tkompli titqanqal it-twemmin lejn il-Madonna tal-Karmnu, mhux bħala devozzjoni tradizzjonali, imma bħala espressjoni ġenwina ta’ fidi, temm jgħid Patri Alex Scerri.