Internazzjonali

Twissija oħra dwar l-użu tal-kannabis

Studju ġdid wissa li nstab li nies li jagħmlu użu mid-droga kannabis sa darba fil-ġimgħa tul perjodu ta’ għadd ta’ xhur, ikollhom effett fuq il-parti tal-moħħ li teffettwa l-emozzjonijiet u l-motivazzjoni.

Riċerkaturi mill-Harvard Medical School fl-Istati Uniti sabu li dawk li jesperimentaw bil-kannabis kultant żmien kienu sofrew minn ħsara permanenti fil-moħħ u wissew li ħadd li għandu inqas minn 30 sena m’għandu jagħmel użu minn din id-droga.

Ir-riċerkaturi wettqu analiżi dettaljati ta’ 3D scans fuq l-imħuħ ta’ studenti li kienu jużaw il-kannabis kultant u li ma tqisux li kellhom il-vizzju. L-iscans imbagħad kienu mqabbla ma’ ta’ dawk li qatt ma għamlu użu minn din id-droga.

Instab li f’dawk li għamlu użu minn din id-droga, il-ħsara fuq il-moħħ kienet ekwivalenti għall-użu li sar skont ir-riċerka li kienet ippubblikata fil-Journal of Neurosciences.

It-tabib Hans Breiter, professur tal-psikjatrija min-Northwestern University Feinberg School of Medicine, qal li dan l-istudju jqanqal sfida kbira għall-idea li l-użu mhux frekwenti tal-kannabis jew il-marijuana ma kellux konsegwenzi fuq il-bniedem. Hu qal li r-riċerka qed turi li anki użu mhux regolari ta’ din id-droga kien qed iħalli effett permanenti fuq moħħ il-bniedem.

Breiter qal li hu mħasseb ħafna dwar l-użu tad-droga minn dawk li jkollhom anqas minn 30 sena u dan għadu jiġi ristrett biss għal dawk li għandhom mard terminali u għandhom bżonnha minħabba l-uġigħ kbir li qed isofru.

Anne Blood, assistent professur mill-Harvard Medical School, qalet li l-partijiet tal-moħħ li fuqhom sar l-istudju kienu dawk fundamentali. Intqal li l-bdil li seħħ fil-moħħ kien l-ewwel pass biex il-moħħ ibiddel il-mod kif jaħdem u tibda l-kilba għal din id-droga bil-mod il-mod.

Jirriżulta li dawk li jpejpu l-kannabis qabel il-15-il sena jkollhom erba’ darbiet aktar ċans li jibdew ibatu minn problemi serji fil-moħħ.