Lokali

Żieda ta’ passiġġieri bejn Malta u Għawdex

Matul l-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena kien hemm 895,824 passiġġier li qasmu bejn Malta u Għawdex li jfisser żieda ta’ 10 fil-mija meta mqabbel mal-istess perijodu s-sena li għaddiet.

Fi stqarrija l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika qal li parti minn din iż-żieda hi dovuta għal diversi attivitajiet li saru f’Għawdex u inizjattivi tal-Gozo Channel.

L-ogħla numru ta’ passiġġieri li qasmu bejn iż-żewġ gżejjer kien reġistrat f’Marzu b’356,208 passiġġier, jew kważi 40 fil-mija tal-passiġġieri kollha fl-ewwel kwart tas-sena.

In-numru ta’ karozzi li ġarrew il-vapuri tal-Gozo Channel bi skeda ukoll żdied bi 11.7 fil-mija għal total ta’ 263,680.

In-numru ta’ vjaġġi fl-ewwel tliet xhur tas-sena kien 4.634 li jfisser żieda ta’ 1.1 fil-mija fuq l-istess perijodu fl-2013. Il-maġġoranza tal-vjaġġi saru f’Marzu b’1,636 vjaġġ jew 35.3 fil-mija tat-total tal-vjaġġi fl-ewwel kwart tas-sena.