Hekk kif fadal biss erba’ partiti għal tmiem il-kampjonat, it-taqtigħa għar-rebħ tal-kampjonat qed tkompli tiħrax fejn Liverpool jafu li jekk jirbħu l-erba’ logħbiet li fadlilhom ikunu Champions għall-ewwel darba f’25 sena. Imma żewġ punti warajhom hemm Chelsea li għadhom b’ċans ta’ ‘double’ għaliex iridu jilagħbu wkoll fis-semifinali taċ-Champions League.
Għada, it-tim ta’ Jose Mourinho jista’ jitla’ fil-quċċata almenu għal jum jekk jirbaħ fi Stamford Bridge kontra Sunderland, tim fl-aħħar post fil-klassifika. Madankollu dan mhux se jku faċli. Chelsea jridu jsibu bilanċ bejn żewġ kompetizzjonijiet importanti għaliex nhar it-Tlieta jilagħbu barra minn darhom fi Spanja kontra Atletico Madrid fiċ-Champions League u waqt li għada se jilagħbu kontra tim b’moral għoli wara li ħa draw 2-2 għand Man City.
Fl-ewwel rawnd Chelsea kellhom jitħabtu biex ħadu rebħa 4-3 kontra l-istess Sunderland. Dan l-aħħar Sunderland ġarrbu erba’ telfiet konsekuttivi imma l-wirja li kellhom fl-Eithad Stadium taf timli lill-plejers bil-kuraġġ li għad jistħgu jevitaw ir-relegation, anke jekk Chelsea jibdew favoriti.
Wara r-rebħa drammatika 3-2 kontra Man City f’Anfield, Liverpool il-Ħadd jmorru għand Norwich. Il-captain tar-Reds Steven Gerrard talab lil sħabu biex jibqgħu jilagħbu bl-istess mod u jinjoraw il-fatt li se jkunu qed jilagħbu kontra tim li jidher inferjuri. Għal kontra Norwich jista’ jagħti l-każ li l-attakkant Daniel Sturridge, li weġġa’ kontra City, jilħaq jirkupra. It-tim ta’ Rodgers fl-ewwel rawnd kien rebaħ 5-1 f’Anfield waqt li fl-aħħar ħarġa Norwich tilfu 1-0 għand Fulham u ma tkunx sorpriża jekk isofru r-raba’ telfa konsekuttiva kontra l-liders.
Nhar it-Tnejn, mistennija reazzjoni minn Manchester City meta jilagħbu kontra West Bromwich Albion. City ġejjin minn żewġ riżultati negattivi li jistgħu jiswew qares fir-riżultat aħħari tal-kampjonat. Wara li tilfu kontra Liverpool, City ġew miżmuma minn Sunderland u issa qegħdin sitt punt taħt Liverpool imma b’logħba inqas. Dan ifisser li issa d-destin ta’ City m’huwiex aktar f’idejhom u jekk jirbħu t-Tnejn, iridu jittamaw f’riżultat favorevoli għalihom fil-konfront dirett bejn Liverpool u Chelsea ġimgħa oħra. West Brom ġejjin minn draw 3-3 kontra Tottenham. Fl-ewwel rawnd it-tim ta’ Pellegirni ma kienx sabha faċli u rebaħ 3-2.
Matul il-ġimgħa Arsenal approfittaw mit-telfa ta’ Everton kontra Crystal Palace u reġgħu telgħu fir-raba’ post u issa jridu jiddefenduh għada jilagħbu għand Hull City. Il-Gunners, qabel ir-rebħa 3-1 kontra West Ham kien ilhom erba’ partiti ma jirbħu.
Issa kollox jiddependi minnhom jekk dawn jikkwalifikawx għaċ-Champions League. Everton, punt taħthom, jilagħbu kontra ċ-champions Manchester United b’attenzjoni speċjali lill-manager tar-Red Devils David Moyes li se jkun qed jirritorna għall-ewwel darba sa minn meta ħa post Ferguson f’Goodison Park.


