Jidher li din is-sena se tkompli mimlija sorpriżi pożittivi u negattivi fis-swieq finanzjarji internazzjonali. Matul l-2013 rajna is-swieq iżidu fil-valur xahar wara xahar. Madankollu hekk kif bdiet is-sena 2014, is-swieq ħadu xejra ferm volatili. Rajna żidit b’saħħithom li immedjatament wara jissarfu f’nuqqas b’saħħithom. Dan qed iwassal biex l-indiċi jibqgħu fl-istess ilma meta wieħed iħares lejhom fuq perjodu twil. L-ishma donnhom li huma l-iktar milquta minn dan il-fenomenu hekk kif is-swieq tal-bonds jidher li se jkomplu jissaħħu.
L-inkwiet fl-Ukraina jidher li mhux se jieqaf. Investituri qed ikunu kawti fil-kummenti li jgħaddu u għal daqstant ir-ritmu tant tajjeb li rajna fl-2013 ma jistax jintlaħaq f’dawn iċ-ċirkostanzi. Fl-aħħar jiem il-kumpanija tal-gass, Gazprom kellha laqgħat importanti ma’ uffiċjali għolja tal-Unjoni Ewropea hekk kif dan id-diżgwid jista’ jwassal għal problemi fil-provvista tal-gass u l-prezz mitlub. Il-prezz taż-żejt diġa’ qabad tiela’ hekk kif l-inċertezza f’dan il-qasam qed tkompli tikber jum wara jum.
Is-suq tal-indiċi tal-kumpaniji tas-software u informazzjoni teknoloġika magħruf bħala Nasdaq, jinsab fl-iktar livell baxx għal din is-sena.
Kumpaniji bħal Google u IBM kellhom tnaqqis fil-profitti tagħhom. Ċifri dwar l-ekonomika Ċiniża qed jindikaw li dan il-pajjiż ġgant qed inaqqas mir-ritmu ta’ tkabbir li rajna fl-aħħar snin. Madankollu l-Gvern Ċiniż qal li dawn iċ-ċifri ma jirriflettux is-saħħa vera ta’ dan il-pajjiż.
Il-Greċja kompliet tirkupra u bdiet tipprivattizza l-banek ukoll. Dan il-proċess huwa pjanat li jintemm sal-aħħar ta’ Mejju. Kien hemm offerti minn kumpaniji kbar sabiex jakkwistaw ishma ta’ banek Griegi li kienu nħatfu mill-Gvern meta l-pajjiż falla.
F’ġimgħa twila inqas mis-soltu minħabba l-Għid il-Kbir, bosta huma tal-fehma li l-Bank Ċentrali Ewropew jinsab viċin li jieħu xi inizjattivi biex tiżdied l-inflazzjoni fl-Ewropa hekk kif din ilha baxxa ferm għal diversi xhur u xorta ma ħolqotx impjiegi kemm mixtieq. Analisti finanzjarji qalu li ir-rata ta’ interess offruti mill-banek tista’ titnaqqas saħansitra għal żero fuq depożiti. Dan jista’ jwassal sabiex wieħed iħaddem flusu fl-ekonomija u mhux iħallihom reqdin f’kont bankarju.
Miġjuba lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net , Tel. 21493250
//= $special ?>