Għada jsir il-Grand Prix taċ-Ċina, u skont il-passat f’dan iċ-ċirkwit ta’ Shanghai u ħarsa lejn x’ġara s’issa, kollox jindika li r-rebħa se tmur għand wieħed miż-żewġ sewwieqa tal-Mercedes. S’issa, wara tliet Grand Prix kienu biss Lewis Hamilton u Nico Rosberg li rebħu t-tlielaq, bl-Ingliż jirbaħ l-aħħar tnejn filwaqt li Rosberg rebaħ l-ewwel GP tal-istaġun fl-Awstralja. Ilbieraħ Hamilton irreġistra l-aħjar ħin waqt il-provi liberi filwaqt li t-tieni u t-tielet l-aħjar ħin għamluhom Fernando Alonso tal-Ferrari u Nico Rosberg.
Iċ-champion renjanti tar-Red Bull Sebastian Vettel għadu qed ifittex l-ewwel rebħa tal-istaġun u b’hekk jibda javanza fil-klassifika tas-sewwieqa fejn bħalissa qed jokkupa s-sitt post. Rosberg għandu 61 punt u Hamilton it-tieni b’50 punt.
Jekk wieħed jibbaża l-pronostiku għada fuq dak li seħħ s’issa, jidher li kulħadd jaqbel li Hamilton jew Rosberg se jirbħu din it-tellieqa. Biex wieħed ikompli jenfasizza kemm dan iċ-ċirkwit hu wieħed li jġib fortuna lit-tnejn, Hamilton, flimkien ma’ Alonso, hu l-aktar sewwieq li qatt rebaħ f’Shanghai, darbtejn u d-darbtejn meta kien għadu jsuq mal-McLaren. L-ewwel darba li Hamilton rebaħ dan il-GP kien fl-2008, fis-sena li kien inkurunat champion. Fuq in-naħa l-oħra, Nico Rosberg diġa’ rebaħ darba mal-Mercedes f’dan iċ-ċirkwit, sentejn ilu.
Il-Grand Prix taċ-Ċina ilu jsir sa mill-2004 u ironikament, Vettel, champion li iddomina staġun wara l-ieħor, rebaħ biss darba fl-2009. Kimi Raikkonen, tal-Ferrari, kien rebħu fl-ewwel avventura mat-tim Taljan, jiġifieri fl-2007.
Fl-istaġun li għadda, filwaqt li Alonso spiċċa rebbieħ, fit-tieni u fit-tielet post daħlu Raikkonen u Hamilton b’dan tal-aħħar jirbaħ l-isfida għal fuq il-podju ma’ Vettel.
L-Awstraljan Daniel Ricciardo tar-Red Bull irid iwettaq reazzjoni wara l-aħbar ħażina ta’ matul il-ġimgħa meta l-appell li ippreżenta t-tim dwar l-iskwalifika tiegħu mill-ewwel GP tal-istaġun, ma intalqax.
//= $special ?>
