Internazzjonali

Il-Papa Franġisku imdawwar mill-morda u persuni b’diżabilita’

Il-Papa Franġisku għazel li jiċċelebra waħda mill-aktar festi importanti fil-kalendarju tal-Knisja Kattolika, Ħamis ix-Xirka, imdawwar mill-morda u persuni b’diżabilita’.

Waqt l-omelija, il-Papa Franġisku qal li fi żmien Ġesu’, il-qaddejja kienu jaħslu s-saqajn, iżda fl-aħħar Ċena, Ġesu’ ma mexxiex ma’ din it-tradizzjoni u propju hu, l-iben t’Alla, ħasel saqajn il-qaddejja tiegħu. Il-Papa Franġisku qal li dan il-messaġġ għandu jasal biex kulħadd jgħix ħajja ta’ servizz lejn l-umanita’.

Wara l-omelija, il-Papa Frangisku ħasel saqajn tnax-il persuna li kienu anzjani jew persuni b’dizabilita’, li l-etajiet tagħhom ivarjaw minn sittax sa’ sitta u tmenin sena. Wieħed minn dawk li kellu riglejh maħsulin mill-Papa Frangisku kien Musulman.

Għalkemm il-Papa Frangisku deher li kellu xi problemi biex iqum fuq saqajh, xorta niżel għarkubbtejh biex jaħsel saqajn it-tnax-il persuna, fejn anke’ bies riġlejhom qabel ma qam.

Minn meta laħaq Papa f’Marzu tas-sena li għaddiet, Frangisku kien għamilha cara li jrid imexxi bl-eżempju f’għajnuna lill-emarginati, il-foqra u dawk fil-bżonn.

Is-sena li għaddiet, il-Papa Frangisku kien iċċelebra l-funzjoni ta’ Ħamis ix-Xirka f’ħabs tal-minorenni, fejn kien ħasel saqajn tnax-il resident tal-ħabs li kollha kienu ġejjin minn pajjizi differenti. Fosthom kien hemm ukoll żewġ persuni ta’ twemmin musulman.

Lura fl-Arġentina meta kien għadu qassis u aktar tard Isqof, Franġisku kien magħruf għall-imħabba li kellu u għall-hin konsiderevoli li kien iqatta’ mal-batuti, morda fl-isptarijiet u ma’ dawk li kienu jgħixu f’kwartieri għall-fqar fl-ibliet tal-Arġentina.