Lokali

Il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira

Miġbur madwar l-element reliġjuż, il-poplu Malti fakkar il-mewt ta’ Sidna Gesu Kristu b’attivitajiet tradizzjonali li laħqu l-qofol tagħhom bil-purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira.

Purċissjonijiet li fihom jipparteċipaw mijiet ta’ persuni u li għal eluf kbar oħra huwa mument mill-iktar importanti fl-element reliġjuz u tradizzjonali tal-pajjiż.

F’Malta jsiru erbatax-il purċissjoni waqt li f’Għawdex isiru tmienja oħra.

Fl-aħħar snin kibret ukoll it-tradizzjoni li jsiru peagents li jirrappreżentaw il-passjoni ta’ Ġesu Kristu. Dawn il-peagents qed isiru fit-toroq u huma attrazzjoni oħra miżjuda mat-tifkira tal-Ġimgħa l-Kbira.

Minkejja l-biża’ li l-maltemp ta’ filgħodu seta’ jħassar dawn il-purċissjonijiet, iktar ma għadda ħin it-temp inbidel biex b’hekk il-purċissjonijiet saru kif ippjanat.

Bħal snin oħra dawn il-purċissjonijiet kienu ta’ attrazzjoni mhux biss għall-eluff ta’ Maltitn li jattendu għalihom iżda wkoll għat-turisti li għażlu lil Malta u Għawdex biex iqattgħu l-vaganzi tal-Għid tagħhom.

Jikkumplimentaw lil dawn il-purċissjonijiet f’kull lokalita f’Malta u Għawdex, jkun hemm id-diversi wirjiet ta’ vari tal-Ġimgħa l-Kbira.

Skont l-istorja l-ewwel vari marbuta mal-passjoni ta’ kristu saru fl-1600, b’dawn ikunu ‘Il-Marbut’ u ‘Il-Monument’ tar-Rabat f’Malta. Warajhom fl-1650 saru l-‘Ecco Uomo’ tal-Belt u ‘l-Ort’ tal-Birgu. Wara dawn bdew isiru vari għall-Kattidral tal-Belt Vittorja f’Ghawdex, ghal Hal Ghaxaq, l-Isla, Ħaż-Żebbuġ, Bormla, in-Naxxar u l-lokalitajiet l-oħra li llum jagħmlu l-purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira.

Il-vari tal-Ġimgħa l-Kbira huma ta’ valur artisiku kbir u huma attribwiti għal uħud mill-aqwa statwarji fosthom Melchiore Gafa, Saverio Laferla, Filippu Vella, Felic Zahra. Karlu Darmanin, Wistin Camilleri u Michael u Alfred Camilleri Cauchi. Uhud mill-vari tal-Ġimgħa l-Kbira inħadmu minn ditti barranin.

Il-purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira jigbdu wkoll l-attenzjoni tal-media lokali u barranija b’NET TV f’dan il-jum xandar il-funzjoni kif ukoll il-purċissjoni tax-Xagħra,Għawdex fejn l-idea ta’ purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbir bdiet fl-1913 meta minn Lecce ngieb kurċifiss. Sa sentejn wara, fl-1915, il-komunita tax-Xagħra kellha tmien vari tal-Ġimgħa l-Kbir maħduma mill-kumpanija Gauci ta’ Lecce. L-ewwel purcisjoni fix-Xagħra saret fl-1914.