Lokali

Mijiet jimxu mat-tradizzjoni tas-Seba’ Visti

Tradizzjoni ewlenija fil-kultura’ Maltija marbuta mal-jiem ta’ Ħamis ix-Xirka u l-Ġimgħa l-Kbira huma s-Seba’ Visti li jibdew f’jum Ħamis ix-Xirka u jkomplu propju fl-għodwa tal-Ġimgħa l-Kbira sa nofsinhar.

Il-Visti jibdew wara l-quddiesa ta’ Ħamis ix-Xirka filgħaxija fejn iċ-ċelebrant tal-quddiesa simbolikament jaħsel saqajn 12-il raġel, rappreżentazzjoni ta’ Ġesu’ Kristu li ħasel saqajn l-Appostli tiegħu qabel beda t-triq għall-kalvarju.
Waqt din il-quddies is-Sagrament jitneħħa mill-artal prinċipali, li jitneżża mit-tiżjin tiegħu biex l-attenzjoni ddur lejn dak li jissejjaħ bħala s-sepulkru – li huwa bħal altar sekondarju li jintrama apposta u jiżżejjen bi fjuri u xemgħat biex jilqa’ s-Sagrament. Wara din il-quddiesa, huma hafna dawk li jerħulha lejn diversi knejjes u kappelli madwar pajjiżna fejn iqattgħu xi ħin ta’ adorzazzjoni quddiem is-sepulkru ta’ seba’ knejjes differenti.
Matul dawn il-visti, l-Insara jfakkru seba’ episodji differenti mill-passjoni ta’ Ġesu’ Kristu u l-mixja tiegħu lejn il-Kalvarju.

Din it-tradizzjoni, li jingħad li tmur lura għal żmien ir-Rumani, hi waħda popolari ħafna f’pajjiżna u matul il-ġurnata tal-Ġimgħa wieħed seta’ jsegwi folol imdaqqsa ta’ nsara miġbura fis-skiet, talb u adorazzjoni quddiem is-sepulkru.