Lokali

Neuer u Ronaldo mistennija jirkupraw

Il-goalkeeper ta’ Bayern Munich Manuel Neuer u l-winger ta’ Real Madrid Cristiano Ronaldo mistennija jirkupraw għall-konfront ta’ nhar l-Erbgħa li ġej mis-semi finali taċ-Champions League bejn iż-żewġ timijiet. Neuer weġġa’ l-pexxul fil-logħba ta’ ġimgħa ilu kontra Borussia Dortmund u b’hekk tilef is-semi finali tat-tazza domestika ta’ matul il-ġimgħa kontra Kaiserslautern. Il-goalkeeper ta’ 20 sena Lukas Raeder ħa post Neuer u ma tantx kellu wirja tajba fit-telfa ta’ 3-0 kontra Dortmund u l-istess Raeder mistenni jilgħab illum fil-kampjonat kontra Eintracht Braunschweig.

Ronaldo ilu mweġġa’ ġimgħatejn u tilef it-tieni leg tal-kwarti tal-finali taċ-Champions League kontra Borussia Dortmund, żewġ partiti tal-kampjonat kif ukoll il-finali tat-Tazza tar-Re kontra Barcelona.
Kemm Real kif ukoll Bayern qegħdin b’ċans li jirbħu t-‘Treble’ dan l-istaġun. Real għadhom kemm rebħu t-tazza domestika u qed jissieltu għar-rebħ tal-kampjonat filwaqt li Bayern diġa’ ġew inkurunati champions tal-Ġermanja u fis-17 ta’ Mejju se jilagħbu fil-finali tat-tazza domestika kontra Dortmund.

Neymar u Alba xahar barra
Aktar ma jgħaddu ġranet aktar qed iżidu l-problemi għal Barcelona. Il-bieraħ ħarġet l-aħbar li l-attakkant Neymar u d-difensur Jordi Alba se jdumu madwar xahar brra mill-azzjoni wara li t-tnejn li huma weġġgħu fil-finali mitlufa tat-Tazza tar-Re kontra Real Madrid. Riċentament, Barcelona sfaw eliminati miċ-Champions League kif ukoll sofrew telfiet fil-kampjonat li ħallewhom fit-tielet post.
Neymar għandu injury f’siequ x-xellugija filwaqt li Alba weġġa’ l-hamstring u jekk dawn it-tnejn idumu xahar barra jirritornaw fl-azzjoni fl-aħħar logħba tal-kampjonat meta dakinhar, fit-18 ta’ Mejju, Barcelona jilagħbu fil-Camp Nou kontra Atletico Madrid, it-tim li attwalment qiegħed l-ewwel fi Spanja. L-awtur tal-uniku gowl fit-telfa ta’ 2-1 kontra Real, Marc Bartra ukoll weġġa’ imma dan se jilħaq jirkupra għal logħba ta’ għada kontra Athletic Bilbao.

Van Basten kowċ ta’ AZ Alkmaar
Il-klabb Olandiż ta’ AZ Alkmaar ħabbar li ħatar lill-eks player leġġendajru Marco Van Basten bħala l-kowċ il-ġdid. Hu mistenni li Van Basten ikun ippreżentat lill-midja fil-jiem li ġejjin. Bħalissa Van Basten, li ilu jmexxi lil Heerenveen għal dawn l-aħħar sentejn minn dejjem sostna li fi tmiem l-istaġun kien se jtemm l-avventura tiegħu ma’ dan il-klabb. Van Basten iffirma kuntratt ta’ AZ Alkmaar li se jorbtu magħhom sal-2016 u se jkun qed jieħu post Dick Advocaat.

Howard iġedded il-kuntratt
Il-goalkeeper ta’ Everton Tim Howard ġedded il-kuntratt tiegħu b’sentejn. Il-kuntratt li kellu l-goalkeeper mill-Istati Uniti kien se jiskadi fi tmiem l-istaġun 2015-16 imma issa dan se jkun marbut mal-klabb sal-2018. Howard hu wieħed mill-aktar players strumentali ta’ Everton li qed jissieltu biex jikkwalifikaw għaċ-Champions League fejn attwalment qegħdin fil-ħames post, punt taħt Arsenal. Howard, li għandu 35 sena ilu mat-Toffees sa mill-2006.

Nominati għall-unur tal-PFA
Tliet players ta’ Liverpool ġew inklużi fil-lista finali għall-unur tal-Aqwa Player tas-Sena ivvutat mill-Assoċċjazzjoni tal-Players Professjonali (PFA). L-attakkant Luis Suarez, li hu l-aqwa skorer tal-kampjonat b’29 gowl, il-captain Steven Gerrard u l-attakkant l-ieħor Daniel Sturridge huma tliet players tar-Reds fost list ta’ sitta. Il-playmaker ta’ Chelsea, Eden Hazard, il-midfielder ta’ Man City Yaya Toure u l-midfielder ta’ Southampton Adam Lallana huma t-tliet players l-oħra.
Hazard u Sturridge huma wkoll nominati flimkien ma’ Luke Shaw ta’ Southampton, Aaron Ramsey ta’ Arsenal, Ross Barkley ta’ Everton u Raheem Sterling ta’ Liverpool għall-unur tal-Aqwa Player }agħżugħ. Fl-istaġun li għadda l-eks winger ta’ Tottenham Gareth Bale kien rebaħ dawn iż-żewġ unuri f’daqqa qabel ma ftit xhur wara ingħaqad ma’ Real Madrid.

Jixtieq jikkowċja lill-Italja
L-eks captain tal-Italja, Fabio Cannavaro qal li x-xewqa tiegħu hi li xi darba jmexxi lit-tim nazzjonali. Cannavro, rebbieħ tat-Tazza tad-Dinja tal-2006 qal li l-kowċing jinteressah u fil-fatt diġa’ ħadem fl-istaff tekniku tal-klabb mill-Emirati Għarab Magħquda Al AHli
“Ir-rwol ta’ kowċ jinteressani u nemmen li se tasal ġurnata fejn se nkun qed inmexxi lill-pajjiżi. Matul il-karriera ħdimt ma’ uħud mill-aqwa kowċis fid-dinja u issa rrid inkun jien li ngħaddi l-ideat tiegħi lill-players,” qal Cannavaro.

Jirreġistraw telf ta’ €15.7m
AC Milan ħabbru li irreġistraw telf ta’ €15.7 miljun filwaqt li d-dħul, minn €275.9 miljun niżel għal €274 miljun. Madankollu hu mistenni li Milan jieħdu ftit tar-ruħ hekk kif fix-xhur li ġejjin, il-kumpanija tal-familja Berlusconi, Fininvest se tinvesti €22 miljun fi ħdan il-klabb.
Dawn iċ-ċifri huma ta’ sena ilu. Jiġifieri tas-sena li fiha Milan spiċċaw it-tielet fil-kampjonat u s-sena li fiha avanzaw mill-grupp taċ-Champions League. Milan jinsabu f’riskju kbir li s-sena li ġejja t-telf ikun akbar, speċjalment jekk ma jikkwalifikawx għaċ-Champions League. Bħalissa t-tim immexxi minn Clarence Seedorf qiegħed fit-tmien post fis-Serie A.