Internazzjonali

Tinstab pjaneta li tixbaħ id-dinja

Xjentisti rnexxielhom isibu pjaneta li l-indikazzjonijiet huma li l-aktar waħda s’issa li nstabet li tixbaħ id-dinja.

Skont rapport fir-rivista Science, il-pjaneta, Kepler 186f, għandha kważi l-istess daqs tad-dinja u hemm il-potenżjal li fiha l-ilma, li hu kruċjali għall-ħajja.

Il-pjaneta tinsab f’sistema ta’ ħames pjaneti li jduru madar stilla.

Il-pjaneta Kepler 186f iżda tinsab 500 sena dawl mid-dinja, kull sena dawl jew lightyear hi l-ekwivalenti għal 10 triljun kilometru, fil-Kostelazzjoni Cygnus.

Il-pjaneta nstabet permezz tat-teleskopju Keppler, li minndu tpoġġa fl-ispazju fl-2009, instabu biħ aktar minn 1,000 pjaneta.

Il-Professur Stepehen Kane mill-San Francisco State University, qal li s’issa din hi l-iżgħar pjaneta li nstabet f’żona fejn jista’ jkun hemm ħajja.
It-tfitxija għal pjaneti li jista’ jkollhom il-ħajja fihom għamlet progress kbir f’dawn l-aħħar snin.
L-ewwel waħda nstabet madwar 20 sena ilu u minn dak iż-żmien instabu kważi 2,000 u fil-maġġoranza nstabu mit-teleskopju Keppler.

Iżda din hi l-ewwel darba li nstabet pjaneta li bejn wieħed u l-ieħor hi l-istess daqs tad-dinja u ddur ma’ stilla simili għax-Xemx u b’distanża tajba mis-stilla biex tippermetti li jkun hemm xi forma ta’ ħajja.

Id-daqs tal-pjaneta ifisser ukoll li hemm il-gravita u għalhekk il-kundizzjoni biex tinħoloq atmosfera u aktarx il-wiċċ hu tal-blat bħad-dinja.

Il-kalkoli dwar jekk hemmx ħajja jew le mhumiex ċerti għall-aħħar u huma kalkolu mill-kundizzjonijiet tal-post fejn tinsab il-pjanet.

Minħabba d-distanża li hemm, m’hemm ebda ċans li fil-ġejjieni qarib tinkiseb aktar informazzjoni dwar il-pjaneta.