Lokali

Aġġornata: Omm f’periklu tal-mewt wara ġrieħi b’tornavit

Mara tinsab fil-periklu tal-mewt wara argument li seħħ bejna u bejn l-eks-raġel tagħha fix-Xagħra, Għawdex. L-inċident seħħ dalgħodu għal ħabta tas-7.20 u jidher li l-ġrieħi tal-mara, li hi wkoll omm ta’ 48 sena, kienu kkawżati minn turnavit f’għonqa.

Jidher li r-raġel ħarab mix-xena b’binhom miegħu, iżda ftit wara spiċċa fil-kustodja tal-Pulizija.

L-incident seħħ fi flat, fejn il-mara ddeċidiet li tmur tqatta’ tmiem il-ġimgħa. Minn sorsi li tkellmu ma’ dan is-sit jidher li r-raġel mar iżur lil eks-martu fl-istess flat, fejn imbagħad seħħ l-argument.

Skont sorsi ta’ dan is-sit, jidher li wara kienet il-vittma li ċemplet lill-Arċipriet tax-Xagħra u nfurmatu li kienet qed tiżvina. Fil-fatt, kien l-istess Arċipriet li ċempel lill-Pulizija għall-assistenza.

Il-mara ngħatat l-ewwel għajnuna fl-isptar ġenerali t’Għawdex, imma mbagħad kellha tittieħed l-isptar Mater Dei permezz tal-ħelikopter tal-Forzi Armati għal aktar kura. Dwar dan il-każ infetħet inkjesta maġisterjali, bl-Ispettur Frank Tabone qed imexxi l-investigazzjoni tal-Pulizija.