Iktar minn €558,000. Dan kien il-prezz tal-qalb tal-Maltin, hekk kif ilbieraħ filgħaxija, proprju fil-Ġimgħa l-Kbira, taw id-donazzjonijiet tagħhom bi ħġarhom, b’risq it-tfal morda.
Il-ġbir ta’ fondi għal Puttinu Cares sar matul il-programm Xarabank, biex f’madwar tliet siegħat inġabru iktar min-nofs miljun ewro.
B’siltiet mill-istejjer ta’ dawn it-tfal morda, kemm stejjer ta’ kura kif ukoll ta’ qsim il-qalb, il-preżentatur Joe Azzopardi qanqal lil udjenza biex tagħti dak il-ftit minn tagħha għall-oħrajn. Preżenti kien hemm il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca, kif ukoll il-Kap tal-Oppożizzjoni, Simon Busuttil.
Min-naħa tiegħu, Busuttil irringrazzja lil dawk kollha li qed jagħti d-donazzjonijiet tagħhom, u fakkar kemm hu ġest sabiħ li ngħinnu lil min hu fil-bżonn.
B’kollox, f’dawn l-aħħar jumejn, inġabru iktar minn €600,000 b’risq it-tfal ta’ Puttinu Cares, anke permezz ta’ mixja li saret fil-lejl bejn il-Ħamis u l-Ġimgħa, mill-Mellieħa sal-Isla. B’kollox f’din l-attivita’ kienu nġabru mal-€75,000, bi kważi 8,000 persuna jieħdu sehem fis-siegħat bikrin ta’ filgħodu.
Iktar minn €600,000, is-somma totali miġbura b’risq Puttinu Cares


