Internazzjonali Knisja

Il-fqar u l-abbandunati fil-qofol tal-Via Crucis tal-Papa

L-immigranti li jirriskjaw ħajjithom biex isibu kenn f’pajjiż aħjar, in-nisa u t-tfal li jisfgħu vittmi tat-traffikar tal-bnedmin u l-priġunieri, kienu fiċ-ċentru tal-meditazzjonijiet fil-Via Crucis li mexxa Papa Franġisku fil-Kolossew ta’ Ruma matul il-lejl tal-Ġimgħa l-Kbira. Din is-sena l-meditazzjonijiet inkitbu mill-Arċisqof ta’ Campobasso-Boiano Monsinjur Giancarlo Maria Bregantini.

Din kienet it-tieni Via Crucis li mexxa Papa Frangisku mill-bidu tal-Pontifikal tiegħu. Għexieren ta’ eluf ta’ nies ingħaqdu f’talb għall-foqra u l-abbandunati matul l-14-il stazzjon tal-Via Crucis. Sa mill-bidu tal pontifikal tieghu l-Papa Franġisku poġġa  lill-foqra u lil dawk li qed isofru fiċ-ċentru tal-messaġġ tal-Knisja Kattolika.

Fost dawk li ġarrew is-salib tul l-14-il stazzjon kien hemm immigranti, priġunieri, persuni li missew mal-vizzju tad-droga, nies morda u anzjani.

Il-Papa Franġisku ħeġġeġ lil dawk preżenti biex jiftakru fin-nies abbandunatim, u tkellem dwar ir-rebħa tal-maħfra u l-imħabba fuq il-ħazen.

Fil-priedka tiegħu Dun Raniero Cantalamessa tkellem dwar l-inġustizzja tat-traffikar tan-nies u t-tbatija kkawżata mill-ħsara ambjentali. Il-priedtka ffukat ukoll fuq ir-regħba u l-imħabba għall-flus.

Sadanittant is-Sibt filgħaxija l-Papa Franġisku jiċċelebra l-Quddiesa tal-Vġili tal-Għid fil-Bażilika ta’ San Pietru.

Iċ-ċelebrazzjonijiet tal-festa tal-Għid jiġu fil-qofol tagħhom f’Ħadd il-Għid b’quddiesa ċċelebrata minn Papa Franġisku li matulha jitfakkar il-qawmien ta’ Ġesu’ Kristu mill-mewt u bil-messaġġ tant mistenni ‘Urbi et Orbi’ ukoll mill-Papa Franġisku.