Edukazzjoni Lokali

Il-lekċerers urtati: s’issa għadhom ma rċevewx il-fondi biex jgħallmu aħjar

Università ta' Malta

Kull sena, dan il-fond kien jingħata f’Jannar

Il-lekċerers fl-Universita’ ta’ Malta jinsabu rrabjati għall-fatt li l-fondi li ssoltu jingħataw fil-bidu tas-sena bħala parti mill-AWRF, Academic Work Resources Fund, għadhom ma ngħatawx. U dan minkejja li ninsabu f’nofs April.

Numru ta’ lecturers li tkellmu ma’ dan is-sit spjegaw kif prattikament ma jistghu jagħmlu xejn f’dak li għandu x’jaqsam ma’ tagħlim u studji li jwasslu biex l-informazzjoni li tingħata lill-istudenti tkun aktar aġġornata u fid-dettall.

Permezz ta’ dan il-fond, li skont estimi li saru, minnu, l-lecturers igawdu medja ta’ 3,000 ewro fis-sena, jintuzaw biex jattendu konferenzi, u jinxtraw kotba jew apparat li jintuża waqt il-lectures.

L-UMASA, il-unjin tal-lekċerers ikkonfermat li din is-sena hemm dewmien aktar mis-soltu fl-għoti ta’ dawn il-fondi. Fit-tweġibiet għall-mistoqsijiet li bagħtnilu, il-President tal-UMASA Profs Matthew Montebello, qal li l-UMASA qed issegwi din il-kwistjoni, u kkonferma li ssoltu, sa Marzu, dawn il-fondi jkunu ngħataw. Din is-sena, għadda nofs April, u l-lekċerers għadhom bla fondi.

Profs Montebello qalilna li l-UMASA ħadet il-passi biex dawn il-fondi joħorġu kemm jista’ jkun malajr. Fil-fatt, ilha minn Diċembru tfakkar lill-amministrazzjoni tal-Universita’ dwar dawn il-fondi. Iżda s’issa, dawn l-appelli waqgħu fuq widnejn torox.

Skont is-sorsi tagħna fl-Universita’, bħalissa, fl-Universita’ hemm problema kbira ta’ flus kontanti u jidher li din hi r-raġuni prinċipali għad-dewmien fl-għoti ta’ dawn il-fondi lil-lekċerers.