Internazzjonali Lokali

Malta u l-Libja, fiċ-ċentru ta’ artiklu fuq Al Jazeera

Ir-relazzjonijiet bejn Malta u l-Libja kienu fiċ-ċentru ta’ artiklu li kien ippubblikat fis-sit tal-aġenzija tal-aħbarijiet Al Jazeera.

L-artiklu bit-tema ‘Malta: Libya’s springboard to Europe’ jiffoka fuq ir-rabtiet bejn Malta u l-Libja u kif ir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi żviluppaw matul is-snin.

L-artiklu jgħid li d-distanza qasira bejn Malta u l-Libja wasslet biex ikun hemm relazzjoni mill-qrib bejn iż-żewġ pajjiżi. Relazzjonijiet li, fi kliem l-awtriċi, issaħħu meta l-Gvern Malti laqa’ f’Malta żewġ piloti Libjani fil-bidu tar-rivoluzzjoni fil-Libja fl-2011.

L-awtriċi tal-artiklu Adela Suliman fakkret ukoll li l-linja nazzjonali tal-ajru Maltija kienet l-ewwel linja tal-ajru li reġgħet bdiet it-titjiriet lejn il-Libja wara t-tneħħija tad-dittatur Libjan Muammar Gaddafi.

L-artiklu jitkellem ukoll dwar kif numru ta’ Libjani qed jaraw lil Malta bħala l-passaġġ tagħhom għall-Ewropa tant li madwar 200 persuna Libjana kuljum qed japplikaw għall-visa għal pajjiżna.

L-artiklu jispjega li fl-2013 iktar minn 34 elf Libjan żaru pajjiżna, id-doppju ta’ dawk li żaru Malta fl-2012. Madankollu, tkompli l-awtriċi, mhux kulħadd jirritorna lura lejn pajjiżu u ħafna jippreferu jużaw lil Malta bħala pajsaġġ għal pajjiżi oħra fiż-Żona Schengen.

Dan minbarra l-fatt li numru ta’ refuġjati Sirjani qed jivvjaġġaw lejn il-Libja u mbagħad lejn Malta u pajjiżi oħra fiż-żona Schengen fejn jittamaw li jsibu ażil.

L-awtriċi tal-artiklu tkellmet ukoll ma’ persuna Libjana li tgħix Malta li kellmitha dwar il-fenomenu tal-immigrazzjoni f’pajjiżna u d-diffikulatjiet tal-immigranti biex isibu impjieg.

Fi tmiem l-artiklu Suliman tispjega wkoll li l-isforzi tal-Libja biex tmidd l-ewwel passi fis-settur privat wasslu għal żieda fin-negozju bejn il-Libja u Malta. Dan jawgura tajjeb għar-relazzjonijiet kummerċjali bejn iż-żewġ pajjiżi.