Lokali

“Tnax-il elf ħaddiem qed jiġu diskriminati”

FOR.U.M.

Ħdax il-Union li jiffurmaw il-FOR.U.M. Unjins Maltin mhux lesti li jiġu trattati b’miżuri tat-tieni klassi ħdejn konfederazzjonijiet oħrajn li jirrapreżentaw ‘il-ħaddiema. B’dan il-mod it-tnax il-elf ħaddiem li jiffurmaw il-FOR.U.M. qed jiġu diskriminati b’mod sfaccat.
Kliem il-FOR.U.M. Unjins Maltin fi stqarrija li bagħat lil mezzi tax-xandir. Filwaqt li feraħ lil Gvern li rnexxielu jwarrab kull forma ta’ diskriminazzjoni f’pajjiżna fejn jidħol sess, ġeneru u twemmin, b’diżappunt kbir il-Forum innota li d-diskriminazzjoni fost il-unions f’pajjiżna għadha preżenti, minkejja l-wegħdi li saru mill-istess Gvern li l-FOR.U.M. se jibda jiġi trattat l-istess minn Jannar ta’ din is-sena.
Dan wara li l-Gvern baqa’ ma ndirizzax ir-rapprezentanza tal-FOR.U.M. fuq l-OHSA (l-Awtorita fuq is-Saħħa u s-Sigurta’ fuq il-post tax-xogħol), fuq l-ILO (International Labour Organisation) kif ukoll fuq il-Gozo Regional Committee.
Infatti, fl-istqarrija l-FOR.U.M. jgħid li fuq dawn it-tlett organizzazzjonijiet għadu qed jiġi ttrattat mill-Gvern bħala konfederazzjoni tat-tieni klassi.
Filwaqt li konfederazzjonijiet oħra li jirrapreżentaw ‘il-ħaddiema f’pajjiżna ġew mistiedna biex jattendu għall-konferenza tal-ILO fuq bażi ta’ tlett ġimgħat mingħajr ħlas, il-FOR.U.M. ġie mgħarraf li l-attendenza tiegħu hi limitata għall-gimgħa waħda biss u jrid iħallas tal-ispejjeż involuti.
L-istqarrija għalhekk tisħaq li, għalkemm il-Malta Employers’ Association kif ukoll il-General Workers’ Union għandhom dritt li jattendu mal-Gvern ghal din il-konferenza tal-ILO, pero’ l-FOR.U.M. għal darba oħra ġie eskluż.
Għaldaqstant il-FOR.U.M. qed jitlob laqgħa urġenti mal-Prim Ministru biex tinstab soluzzjoni għal din il-materja, qabel ma jkun tard wisq.