NAXXAR L……….0
FLORIANA……….2
Floriana aċċertaw posthom mal-kbar għal staġun ieħor meta b’wirja tajba li mmaturat fit-tieni taqsima għelbu lil Naxxar Lions 2-0. Naxxar issa jinsabu f’inkwiet serju li jiġu relegati wara staġun wieħed fil-Premier u jridu rebħa bilfors fl-aħħar konfront kontra Vittoriosa Stars.
Il-kowċ ta’ Naxxar Winston Muscat kien kostrett li jibdel l-ewwel ħdax mill-aħħar partita kontra Qormi meta l-gowlkiper Julian Azzopardi, Gilmar u Reano kienu sospiżi biż-żagħżugħ Luke Pecorella jiddebutta bejn il-lasti filwaqt li Reano u Gilmar ġew mibdula minn Ryan Gilmour Cassar u Martines de Oliveira rispettivament. Muscat għażel li jibda wkoll lil Vignjevic minflok Terence Scerri.
Bis-sistema tipika ta’ 4-1-4-1, Andrew Decesare kien inkluż fuq in-naħa xellugija, filwaqt li s-solitu Bakare lagħab quddiem id-difiża, b’Darren Falzon jilgħab bħala l-attakant prinċipali b’Vignjevic u Martines de Oliveira jgħinu mal-linji.
Wara r-rebħa kontra Tarxien fid-debutt tiegħu, l-kowċ Giovanni Tedesco ħareġ b’sistema ta’ 4-3-2-1 b’Caruana u Pinheiro de Sousa jilgħab wara Emeka. Il-kowċ Taljan kellu jgħaddi mingħajr is-servizzi ta’ Igor Coronardo, Gary Muir u Brooke Farrugia li kienu sospiżi u Joseph Borg. Iżda Roland Emeka, Christian Caruana u Manuel Briffa u Clyde Borg imlew il-vojt li ħallew dawn il-plejers u mxew mal-istruzzjonijiet tat-Taljan.
L-ewwel azzjoni perikoluża tal-partita waslet fit-3 minuta meta Naxxar appellaw għal penalty wara li allegatament Vignjevic twaqqa’ minn Clyde Borg iżda Lautier ħalla l-logħob għaddej. Floriana wieġbu fuq in-naħa l-oħra żewġ minuti wara meta xutt ta’ Pinheiro de Sousa għadda ftit għoli. Naxxar heddew il-lasti avversarji fl-14-il minuta meta xutt bix-xellug ta’ Yuri Martines de Oliveira għadda jħakkek mal-lasta.
Fit-30 minuta azzjoni oħra denja lejn il-lasti meta free-kick ta’ Diogo Pinheiro de Sousa ġie salvat tajjeb minn Pecorella.
Floriana ħarġu aħjar fit-tieni taqsima u saħansitra kellhom gowl imħassar fis-56 minuta meta minn free-kick ta’ Manuel Briffa, Pecorella ma żammx il-ballun u mill-viċin Clyde Borg skorja iżda l-assistent referee Ingmar Spiteri għolla l-bandiera għal pożizzjoni irregolari. Iżda dak li m’għamlux ftit qabel għamluh fit-58 minuta meta l-Furjaniżi marru fil-vantaġġ. Kien xutt fil-baxx ta’ Clyde Borg, ROLAND EMEKA mattar siequ u mill-viċin għeleb lil Pecorella.
Naxxar ingħataw penalty fit-62 minuta meta Darren Falzon twaqqa’ minn Clyde Borg. Iżda mill-11-il metru Sean Mintoff salva f’darbtejn ix-xutt tal-istess Falzon. Floriana għal ftit ma rduppjawx fil-65 minuta meta wara azzjoni personali, ix-xutt ta’ Christian Caruana għadda ftit barra.
It-tim ta’ Tedesco rdoppja fit-68 minuta meta Christian Caruana krossja fil-baxx mil-lemin lejn DIOGO PINHEIRO DE SOUSA li mill-ewwel b’xutt fil-baxx għeleb lil Pecorella. Naxxar baqgħu ma wettqux reazzjoni u mat-tisfira finali l-klan Furjaniż iċċelebra postu għal staġun ieħor.
Naxxar: L. Pecorella, R. Bakare, V. Bellia, A. Buhagiar, R.G. Cassar, A. Decesare, D. Falzon, T. Lopes de Souza, Y. Martines de Oliveira, F. Stojanovic, M. Vignjevic
Sost: T. Scerri flok Y. Martines de Oliveira 67’, D. Bonnici flok D. Falzon 82’
Floriana: S. Mintoff, A. Scicluna, I. Edet, S. Pisani, R. Emeka, C. Caruana, D. Pinheiro de Sousa, C. Borg, M. Briffa, R. Aguiar, S. Borg
Sost: I. Galea flok R. Emeka 67’, J. Xerri flok C. Caruana 87’
Skorjaw: R. Emeka 59’, D. Pinheiro de Sousa 68’ (F)
Imwissija: C. Caruana 22’, S. Borg 27’, A. Scicluna 63’, S. Pisani 72’ (F), V. Bellia 46’, R. Bakare 60’, D. Falzon 81’ (N)
Referee: Chris Lautier
Il-mument Plejer tal-Partita: Christian Caruana (Floriana)
//= $special ?>

