Lokali

Il-ġirja tradizzjonali ta’ Kristu Rxoxt

Tibqa’ ħajja t-tradizzjoni tal-ġirja bl-Irxoxt
Tradizzjoni li ma qatgħet xejn, dik li f’Ħadd il-Għid issir il-ġirja bl-istatwa ta’ Kristu Rxoxt , propju fil-jum li fih il-Knisja Kattolika tiċċelebra l-akbar festa fil-kalendarju liturġiku tagħha; dik li tfakkar il-qawmien mill-imwiet ta’ Ġesu’.

F’Malta, din it-tradizzjoni tmur lura sekli u huma ħafna l-irħula u l-ibliet li żammew din it-tradizzjoni ħajja fejn eluf iżommu l-appuntament annwali tagħhom biex isegwu l-ġirja bl-Irxoxt.

L-entużjażmu tan-nies ma jonqosx, speċjalment hekk kif ir-reffiegħa tal-vari rispettivi jindikaw li jkunu lesti li jitilqu bil-ġirja bl-Irxoxt merfugħ fuq spallejhom.

Is-sena li għaddiet, il-ġirja bl-Irxoxt spiċċat fuq fomm kulħadd, hekk kif fl-Isla, l-istatwa ta’ Kristu Rxoxt kważi waqgħet, hekk kif wieħed mir-reffiegħa waqa’ waqt li kien qed jiġri bl-istatwa, bl-istatwa tmil u ġiet kważi mal-art.

Pero’ din is-sena jidher li ma kienx hemm inċidenti bħal dawn, u l-purċissjonijiet kollha li saru madwar Malta u Għawdex għaddew b’wiċċ il-ġid, bit-tradizzjoni li baqgħet ħajja għal sena oħra.