It-tim nazzjonali Malti tal-Juniors illum fin-12.30 p.m. se jkun qed jilgħab fil-finali tal-Juniors 98 EU Nations Tournament li qed jintlagħab f’Brno fir-Repbblika Ċeka wara li kiseb erba’ rebħiet konsekuttivi bit-tama li jirbaħ anke l-midalja tad-deheb.
Ilbierah filgħodu t-tim Malti kiseb rebħa mill-aktar impressjonanti 30-1 kontra l-Iskozja u mbagħad aktar tard għeleb lill-Irlanda fis-semi-finali 16-5. Dawn ir-rebħiet waslu wara suċċessi fuq Polonja u l-Iżvizzera fl-ewwel ġurnata.
Kontra l-Iskozja Malta rebħet is-sessjonijiet kollha 6-0, 10-0, 7-0 u l-aħħar sessjoni 7-1 b’Ben Plumpton jiskorja tmien gowls, Kyle Navarro (4), Isaiah Riolo (4), Matthias Azzopardi (3), David Fenech (3), Darren Zammit (2), Luke Calleja (2), Jerome Zerafa Gregory (2) u gowl kull wieħed minn Jacob Sciberras u Jeremy Abela.
Id-dominju tat-tim Malti ppermetta wkoll lill-kowċ Karl Izzo jagħmel użu mill-plejers kollha li kellu għad-dispożizzjoni biex serraħ il-plejers tiegħu għall-partita ta’ filgħaxija kontra t-tieni tim fi Grupp A, l-Irlanda.
Bis-suċċess fuq l-Irlanda t-tim Malti diġa` aċċerta mir-rebħ tal-midalja tal-fidda u llum se jkun qed imur għad-deheb kontra l-Awtrija jew il-Polonja li ltaqgħu fis-semi-finali l-oħra.
Kontra l-Irlanda t-tim Malti temm l-ewwel sessjoni 2-2 imma mbagħad rebaħ is-sessjonijiet l-oħra 5-2, 3-1 u 6-0 bil-gowls jaslu minn Ben Plumpton (6), Joseph Galea (5), Darren Zammit (2), Malcolm Manara (2) u Kyle Navarro (1).
L-iskwadra Maltija hi ffurmata minn: Jeremy Abela, Jake Tanti, Kyle Navarro, Luke Calleja, Matthias Azzopardi, Jerome Zerafa Gregory, Mikhael Cutajar (Neptunes); Frederick Buhagiar, Ben Plumpton, Darren Zammit, Joseph Galea (San Ġiljan), Isiah Riolo, Jakob Sciberras (Sirens); David Fenech, Malcolm Manara (Sliema)
//= $special ?>

