Xandru Kristin Mamo ta’ 43 sena mix-Xagħra tressaq il-Qorti t’Għawdex akkużat bl-attentat qtil tal-eks sieħba tiegħu Silvia Zammit.
Dan wara li s-Sibt filgħodu Xandru Kristin Mamo allegatament aggredixxa lil Zammit u ta daqqiet ta’ turnavit fuq wara ta’ rasha waqt argument li seħħ f’appartament fix-Xagħra stess.
Il-mara, omm ta’ 48 sena, nġiebet lejn l-Isptar Mater Dei permezz ta’ ħelikopter wara li ngħatat l-ewwel assistenza fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex. Hi tinsab fil-periklu li titlef ħajjitha.
Jirriżulta li l-allegat attakk seħħ wara li l-agressur faqa’ l-bieb ta’ barra bl-argument jeskala sakemm seħħ l-attakk. Bil-mara feruta, ir-raġel ħalla r-residenza u ħa miegħu lil ibnu ta’ għaxar snin li kien fl-istess appartament fil-ħin tal-attakk.
Il-Pulizija f’Għawdex waqqfu lir-raġel u ibnu ftit tal-ħin wara, bir-raġel li pprova jistaħba wara bus stop hekk kif ra l-karozza. Madankollu l-Pulizija rnexxielhom iwaqqfuh u nnutaw li kellu idu u ħwejġu mċappsa bid-demm. Jirriżulta wkoll li r-raġel ta isem falz meta ġie mistoqsi biex jidentifika lilu nnifsu.
L-inkjesta maġisterjali dwar dan il-każ għadha għaddejja waqt li l-Ispettur Frank Tabone qed jinvestiga dan l-attentat ta’ qtil.
//= $special ?>
