Kif kien mistenni, id-duo liriku Federica Falzon u Vincenzo Carni bil-kazunetta “Un Amore Cosi Grande” is-Sibt filghaxija ġew iddikjarati rebbieħa tal-edizzjoni ta’ din is-sena tal-konkors ‘Ti Lascio Una Canzone’ imxandar fuq l-istazzjon nazzjonali Taljan Rai Uno.
L-interpretazzjonijiet taż-żewġ żgħażagħ saħħru lil eluf ta’ telespettaturi, Sibt wara Sibt. Federica u Vincenzo rebħu b’kollox sitt darbiet. Il-finali tas-Sibt kienet waħda missielta bi tmiem eċċitanti bejn tliet kanzunetti. Federica u Vincenzo ġew l-ewwel f’ħames serati u kklassifikaw fit-tieni post tliet darbiet qabel rebħu l-finali.
Il-ħila u l-appoġġ ta’ Federica ġabu l-armonija ta’ duo li prattikament iddomina din l-edizzjoni fuq l-oghħla livelli.
L-apprezzament u t-tifħir lejn il-koppja rebbieħa ma kienx espress biss mill-voti, iżda anke mir-rikonoxximent fil-kummenti tal-membri tal-gurija.
Fi tmiem l-interpretazzjoni tal-kazunetti kollha, qabel thabbar ir-rizultat, Massimiliano Pani qal li d-duo liriku kienu dejjem konsistenti u ma żbaljawx edizzjoni waħda. Pupo stqarr li Federica u Vincenzo kienu l-favoriti tiegħu.
Fabrizio Frizzi qal li għal darb’oħra ż-żewġ kantanti urew kemm jaqblu bejniethom u reggħu taw interpretazzjoni tal-ogħla livell. Hu awguralhom li jkomplu jagħtu wirjiet bħal dawk li taw matul il-programmi.
Cecilia Gasdia, membru ieħor tal-gurija, esprimiet id-dispjaċir tagħha li mhux se tkompli tisma’ l-vuċi ta’ Vincenzo filwaqt li għamlet messaġġ bil-Malti bi kliem ta’ tifhir kbir lil Federica.
Għall-Mezzo Sopran Federica u Vincenzo issa fadal finali oħra nhar is-Sibt li ġej fejn se jieħdu sehem ir-rebbieħa kollha tas-seba’ edizzjonijiet ta’ Ti Lascio Una Canzone f’dik li qed tissejjaħ il Coppa delle Coppe.
L-awguri tagħna jmorru għall-Maltija Federica Falzon tal-wirja mill-aqwa li tat fil-finali u l-unur li għamlet ghħal Malta, f’kull okkazjoni. Federica ilha ghħal dawn l-aħħar sentejn tistudja l-vuci taħt is-supervizjoni ta’ Gillian Attard. Hi mistennija lura Malta flimkien mal-familja tagħha minn Ruma tard il-Ħadd filgħaxija.


