Internazzjonali

Pellegrini jimlew Pjazza San Pietru fil-Belt tal-Vatikan

Aktar minn 100,000 pellegrin minn kull rokna tad-dinja mlew Pjazza San Pietru fil-Belt tal-Vatikan biex jipparteċipaw fil-Quddies tal-Għid il-Kbir.

Fil-messaġġ Urbi et Orbi f’din l-ikbar festa tal-knisja, il-Papa Frangisku tkellem dwar il-messaġġ ewlieni li għandu jwassal in-nisrani f’dawn il-jiem ta’ ferħ: dak li Ġesu miet għalina u qam minn bejn l-imwiet u sar sinjur tal-ħajja. Huwa saħaq ukoll li in-nisrani għandu jieqaf mal-batut u mal-marid u juri l-imħabba tiegħu ma dawk kollha li jinsabu fil-bżonn.

Il-Papa Frangisku saħaq ukoll li għanda ssir aktar ħidma biex jiġi miġġieled il-faqar, li permezz tiegħu jinxtered ukoll il-mard u tbatijiet għall- bnedmin. Huwa semma wkoll dawk li jinsabu milquta bil-marda tal-ebola fil-punent tal-Afrika u dawk li jinsabu presegwitati minħabba t-twemmin reliġjuz tagħhom.

Fl-inidirizz tiegħu lil pellegrini, il-Papa Franġisku tkellem ukoll dwar is-sitwazzjoni politika madwar id-dinja. Fost oħrajn, il-Papa talab biex jintlaħaq ftehim fis-Siria, kif ukoll biex negozjati bejn Izrael u il-Palestina jirnwexxew. Huwa talab ukoll biex jintemmu l-bosta gwerer li hemm madwar id-dinja, kif ukoll biex titjieb is-sitwazzjoni politika fl-Ukrajna u l-Venezwela.