Lokali

Petizzjoni mill-għaqda Flimkien għal Ambjent Aħjar qabżet l-elf firma

Il-Permess li ngħata mill-MEPA biex isir żvilupp qrib it-tempji ta’ Ħagrat qajjem reazzjoni u kundanna minn diversi individwi u għaqdiet għaliex hu ta’ theddida għal tempji li huma rikonoxxuti mill-Unesco bħala wirt kulturali dinji.

Jingħaqad ma’ dan il-kor ta’ kundanni, id-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Toni Abela li sejjaħ dan il-permess bħala delitt fuq il-patrimonju u wirt storiku.

F’artiklu miktub fuq il-ġurnal l-Orizzont, Toni Abela qal li f’din id-deċiżjoni ma rebaħx is-sens komun u sensittivita’ mill-istituzzjonijiet lejn dak li hu nazzjonalment sagru.

Id-Deputat Mexxej Laburista esprima l-biża’ li minħabba dan l-iżvilupp dawn it-tempji jistgħu jitilfu r-rikonoxximent mill-Unesco bħala sit ta’ patrimonju dinji. U li nħoloq preċedent li kull fejn sidien għandhom propjeta’ qrib siti oħra ta’ din ix-xorta jingħataw l-istess permess.

Sadanittant, petizzjoni mill-għaqda mhux governattiva Flimkien għal Ambjent Aħjar sabiex il-permess għal dan l-iżvilupp jiġi revokat, qabżet l-elf firma.

Toni Abela jikkritika wkoll id-deċiżjoni tal-MEPA li tagħti permess lill-Freeport biex jagħmel tiswijiet fuq rigs taż-żejt, iżda qal li l-appell tal-Gvern hu turija kemm il-MEPA hi awtonoma mill-Gvern.