Futbol Sport

PSG jirbħu l-League Cup għar-raba’ darba

B’rebħa ta’ 2-1 kontra Lyon, PSG rebħu l-League Cup ta’ Franza għar-raba’ darba fl-istorja tal-klabb. L-eroj tas-serata kien l-eks attakkant ta’ Napoli Edinson Cavani li skurja ż-żewġ gowls. CAVANI fetaħ l-iskor wara biss 178 sekonda u dan kien l-aktar gowl veloċli li qatt ġie skurjat fil-finali ta’ din il-kompetizzjoni. Għall-kowċ Laurent Blanc dan kien l-ewwel suċċess tiegħu sa minn meta ħa post Carlo Ancelotti li ingħaqad ma’ Real Madrid. Blanc kien rebaħ din l-istess kompetizzjoni fl-2009 meta dakinhar kien imexxi lil Bordeaux. Ħarsa lejn l-istatistika turi li Lyon saru l-ewwel tim fl-istorja li qatt tilef il-finali ta’ din il-kompetizzjoni erba’ darbiet. L-uniku darba li rebħuha kien fl-2001.

Wara li PSG fetħu l-iskor ma kien hemm l-ebda reazzjoni minn naħa tal-avversarji u fit-32 minuta PSG, li kienu mingħajr Ibrahimovic li hu imweġġa’, ingħataw penalty. Mill-11-il metru reġa’ kien CAVANI li sab ix-xibka. Fis-56 minuta Lyon naqqsu d-distakk permezz ta’ LACAZETTE imma minkejja l-isforzi tagħhom, PSG irnexxielhom jiddefendu tajjeb sal-aħħar għal skor finali ta’ 2-1.

B’dan is-suċċess, PSG issa qed jimmiraw li jirbħu d-‘Double’ hekk kif fil-kampjonat qegħdin fil-quċċata tal-klassifika b’10 punti vantaġġ fuq l-eqreb rivali tagħhom Monaco. Riċentament it-tim ta’ Laurent Banc ġie eliminat mill-kwarti tal-finali taċ-Champions League kontra Chelsea filwaqt li f’Jannar li għadda kienu sfaw eliminati mit-tazza domestika kontra Montpellier.